Lokali

Jużaw lill-media indipendenti biex ineħħu l-lenti minn fuq l-iżbalji ta’ Kurt Farrugia

Il-ġurnata tal-bieraħ għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat ma kenitx tfisser biss l-organizzazzjoni ta’ laqgħa urġenti tal-Kabinett tal-Ministri fid-dawl tal-kriżi li għandu l-Gvern.
Dan wara li l-media tal-Partit Nazzjonalista qed tkompli tikxef aktar il-verità marbuta mnal-isparaturi tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia fil-lejl tal-Erbgħa, 19 ta’ Novembru li għadda fil-Gżira.

Kienet karatterizzata wkoll minn impenn qawwi ħafna biex il-lenti iffukata fuq persuni bħall-Ministru Manwel Mallia u Kurt Farrugia, il-Kelliem Uffiċjali tal-Prim Ministru, tiddawwar u tkun iffukata fuq l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit bit-tama li jeħel hu ta’ kollox.

Mir-recordings maħruġa llum minn siti ta’ gazzett indipendenti bil-lingwa Ingliża nistgħu nikkonfermaw dan l-attentat qawwi meta jidher bl-aktar mod evidenti li kienu l-Ministru Manwel Mallia u Kurt Farrugia, il-Kelliem Uffiċjali tal-Prim Ministru, li ripetutament gidbu biex jaħmu cover-up dwar l-isparaturi mix-xufier tal-istess Ministru Manwel Mallia.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat imxebba u rrabjat bil-fatt li dawk l-aktar viċin tiegħu kienu qed jigdbulu u daħħlu lill-Gvern f’din il-kobba mħabba sa mill-ewwel mumenti li seħħet l-isparatura, issa qiegħed ikun immexxi minn imnieħru mill-istess persunis biex joħroġ ta’ raġel billi juri li qiegħed jagħmel xi ħaġa u hekk itajjar lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit għax jeħel bit-tort kollu hu.

Sorsi infurmati tajjeb fl-aħħar sigħat qalu lill-media tal-Partit Nazzjonalista li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien għal kollox sorpriż bil-mod kif aħna svelajna numru ta’ konversazzjonijiet li seħħew bejn numru ta’ persuni immedjatament wara l-isparatura.

Żgur li dawn it-telefonati juru bl-aktar mod ċar kif mhux biss l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija kien jaf biż-żewġ tiri sparati lejn il-karozza tal-Iskoċċiż mix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, iżda b’dan kollu informa lill-istess Ministru Manwel Mallia li kien il-ħin kollu ħdejh (ħdejn l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit) u wkoll lill-istess Kurt Farrugia, il-Kelliem Uffiċjali tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Mela la kienu jafu b’din il-verità kollha x’wassal lill-Ministru Manwel Mallia u lil Kurt Farrugia, il-Kelliem Uffiċjali tal-Prim Ministru, biex jiffinalizzaw stqarrija kollha gideb ta’ tiri sparati fl-ajru u ta’ hit and run meta kienu jafu bil-verità kollha x’inhi?