Aġġornata b’filmat
Gvern fi stat ta’ paniku u disperazzjoni li jrid jisma’ dak li jrid hu biss
Simon Busuttil qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq Radio 101 mill-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications Fabian Demicoli.
Isma’ l-intervista sħiħa fil-filmat t’hawn fuq
Simon Busuttil qal li l-istat ta’ paniku li l-Gvern jinsab fih wassal lill-Gvern biex jgħaddi lill-midja biċċa minn recording sħiħ tat-telefonata li sare bejn ix-xufier ta’ Manwel Mallia u l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit, li fuq il-linja miegħu kellu lil Kurt Farrugia, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru.
Simon Busuttil qal li r-recording li l-uffiċju tal-Prim Ministru għadda lill-midja, juri li l-Gvern rema’ lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija, lill-Ministru Manwel Mallia u qed jiffoka biss biex jipproteġi lill-Kap tal-Komunikazzjoni Kurt Farrugia, u allura lill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Simon Busuttil qal li dan il-paniku li jinsab fih il-Gvern qed iqajjem aktar dubji u suspetti.
Saħaq li l-Oppożizzjoni tinsab iddiżgustata bid-diżonesta’ politika tal-Prim Ministru, li qed jippermetti dan kollu li jsir. Saħaq li aktar ma jdum ma jieħu passi, aktar se jiżdiedu s-suspetti u d-dubji, li twassal għall-mistoqsija sempliċi… il-Prim Ministru jista’ jitwemmen?
Aktar minn hekk, ir-recordings li l-Gvern għadda lill-midja fil-paniku li jinsab fih, ikomplu jikkonfermaw dak li żvelat il-kamra tal-aħbarijiet ta’ Media.Link Communications.
Simon Busuttil qal li r-recording li l-Gvern għadda lill-midja ma ssemmix biss ‘warning shots’, iżda ssemmi wkoll: “kemm-il tir tajtu?”. Simon Busuttil staqsa kif il-kliem “kemm-il tir tajtu?” jistgħu qatt jiġu interpretati bħala “tiri fl-ajru”. Mir-recordings li ħareġ il-Gvern, il-kliem ‘tiri fl-ajru’ ma jissemmew qatt.. u kienu invenzjoni ta’ Kurt Farrugia.
Simon Busuttil temm jgħid li hawnekk tidħol ir-responsabbilta’ tal-Prim Ministru Joseph Muscat, għax hu ovvju u ċar li jekk kien jaf il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru, mela allura kien jaf ukoll bil-każ il-Prim Ministru Joseph Muscat Stess.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tenna l-isfida li għamel lill-Prim Ministru; biex dan jippubblika l-lista ta’ telefonati li saru jew li rċieva l-Prim Ministru fis-sagħtejn u nofs wara li seħħet l-isparatura mill-Ministru Manwel Mallia.
//= $special ?>