Lokali

Kurt Farrugia vvinta d-diskors li kienu tiri sparati fl-ajru

… attentat qawwi biex it-tort jintefa’ kollu fuq l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit biex jeħel ta’ kollox hu u l-Ministru Manwel Mallia u Kurt Farrugia, il-Kelliem Uffiċjali tal-Prim Ministru jeħilsuha minn kollox

Kurt Farrugia, il-Kelliem Uffiċjali tal-Prim Ministru Joseph Muscat, kien il-persuna li vvinta d-diskors li kienu tiri sparati lejn l-ajru dawk sparati mix-xufier Paul Sheehan fil-lejl tal-Erbgħa, 19 ta’ Novembru li għadda. Fil-fatt fl-istqarrija tiegħu testwalment kiteb: “F’dan il-ħin il-pulizija spara żewġ tiri fl-arja bħala warning.”

L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit kien jaf li dawk kienu tiri sparati lejn il-karozza tas-sewwieq Skoċċiż u ikkomunika dan lill-istess Kurt Farrugia, il-Kelliem Uffiċjali tal-Prim Ministru. Fil-fatt mill-konversazzjonijiet svelati mill-media tal-Partit Nazzjonalista joħroġ ċar daqs il-kristall meta l-Aġent Kummissarju qal lix-xufier Paul Sheehan: Biex inkunu ċerti, qabel ma noħorġu l-istqarrija, inti ċert minn dak li għedtilna hux? Għax forsi kont imfixkel?” U ftit sekondi wara l-Aġent Kummissarju jerġa jistaqsih: “U int tajtu żewġ tiri?”

Madankollu u invista ta’ dan kollu Kurt Farrugia fl-istqarrija maħruġa ftit tal-ħin wara dawn il-konversazzjonijiet u madwar sagħtejn wara l-isparati fil-Gżira mix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, għal xi raġuni, għażel li jgħid li dawk kienu tiri ta’ twissija sparati lejn l-ajru.

MaltaRightNow tista’ tisvela minn aktar informazzjoni li kompliet tirċievi fis-sigħat li għaddew li bħalissa Kurt Farrugia qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex l-attenzjoni tintefa’ fuq l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit f’tentattiv biex finalment ikun hu l-ħaruf tas-sagrifiċċju.

Tentattivi ddisprati matul il-ġurnata tal-bieraħ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara li l-media tal-Partit Nazzjonalista nhar il-Ġimgħa filgħaxija svelat bl-aktar mod esklussiv sensiela ta’ konversazzjonijiet bit-telefon ftit tal-ħin wara l-isparaturi u li juru kif il-Ministru Manwel Mallia u Kurt Farrugia, il-Kelliem Uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru sa mill-ewwel mumenti bdew jittantaw jaħmu cover-up biex hekk jgħattu l-verità kollha wara dawn iż-żewġ sparaturi.