… minn aktar konversazzjonijiet bit-telefon ftit tal-ħin wara l-isparatura tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, is-Supretendent Alexandra Mamo ċċempel lill-Pulizija fil-post tar-reat u twissihom biex ħadd ma jmiss xejn għax “il-Kummissarju jrid li ssir Inkjesta bil-Maġistrat”
Dak li kompla jiddomina f’dawn l-aħħar sigħat wara li l-media tal-Partit Nazzjonalista svelat numru ta’ konversazzjonijiet li saru immedjatament wara l-isparatura, hu paniku kbir fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Dan b’mod partikulari fir-rigward ta’ Kurt Farrugia, il-Kelliem Uffiċjali tal-Prim Ministru Joseph Muscat – li akkost ta’ kollox qiegħed jaħdem biex jixxiftja l-attenzjoni minn fuqu u minn fuq il-Ministru Manwel Mallia u jgħaddi t-tort u l-kolpa kollha fuq l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit.
Sorsi infurmati tajjeb qalu lill-media tal-Partit Nazzjonalista li min-naħa tiegħu l-Aġent Kummissarju Ray Zammit qiegħed ikompli jinsisti ma’ ta’ madwaru li hu sa mill-ewwel mumenti li sar jaf b’dak kollu li kien ġara, informa mhux biss lill-istess Ministru tiegħu Manwel Mallia li dak il-ħin kien miegħu, imma anki lil Kurt Farrugia, il-Kelliem Uffiċjali tal-Prim Ministru.
Aħna nafu tajjeb ferm minn aktar provi mgħoddija lilna, li l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija mill-ewwel fehem li dan kien se jkun każ serju ħafna u għalhekk mhux biss ried li jippriserva x-xena tad-delitt, iżda li ssir Inkjesta bil-Maġistrat biex il-verità ma tinħebiex.
Madankollu l-aġenda tal-Ministru Manwel Mallia u dik ta’ Kurt Farrugia kienet differenti tant li minkejja li twasslet lilhom l-informazzjoni ta’ x’kien ġara fil-post tal-isparatura, dawn ippreferew jaħdmu stqarrija mimlija gideb li fost l-oħrajn kienet tgħid li t-tiri kienu sparati lejn l-ajru u li l-inċident kien wieħed ta’ hit and run.
Is-sorsi li tkellmu magħna temmew jistaqsu għaliex f’dan l-inċident flok l-istqarrija ħarġet mill-Korp tal-Pulizija bħas-soltu, inħarġet mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) li taqa’ direttament taħt ir-responsabbiltà ta’ Kurt Farrugia?
Ansi stogħnat ukoll il-preżenza tal-istess Kurt Farrugia fil-konferenza tal-aħbarijiet li kien ta l-Ministru Manwel Mallia l-għada tal-isparatura fejn flimkien ma’ Ramona Attard, il-PRO tal-Ministeru, kien hemm fuq ix-xellug tal-Ministru, l-istess Kurt Farrugia!
//= $special ?>