Futbol Sport

LA Liga: Ronaldo jiskorja t-23 hat-trick f’la Liga

Cristiano Ronaldo laħaq żewġ tragwardi oħra personali meta mexxa lil Real Madrid lejn it-18-il rebħa konsekuttiva biex laħqu r-rekord eżistenti f’rebħa storika fil-Bernabeu.

L-attakkant Portugiż issa skorja l-akbar ammont ta’ hat-tricks minn kwalunkwe plejer ieħor f’La Liga wara li għamel it-23 treble bil-200 gowl tiegħu fl-ogħla diviżjoni Spanjola.

Ronaldo poġġa lil Real fil-vantaġġ meta skorja penalty diskuttibbli wara fawl fuqu stess fejn ftit deher li kien hemm kuntatt. Imbagħad skorja b’volley u ieħor b’xutt mill-viċin.

Ronaldo li hu favorit li jirbaħ il-Ballon d’Or għall-wirjiet tiegħu din is-sena, ingħata ovazzjoni meta kien mibdul lejn tmiem il-partita wara wirja oħra memorabbli.

Il-plejer ta’ 29 sena skorja l-istess numru ta’ hat-tricks bħal-leġġendarju ta’ Real Alfredo Di Stefano u Telmo Zarra ta’ Athletic Bilbao u issa qabiżhom ukoll meta kompla ġewwa cross ta’ Marcelo.
Dan kien ifisser ukoll li Ronaldo laħaq il-200 gowl tiegħu f’La Liga f’178 logħba.

Kienet ukoll it-18-il rebħa konsekuttiva għal Real fil-kompetizzjonijiet kollha u b’hekk laħqu r-rekord imwaqqaf minn Barcelona ta’ Frank Rijkaard bejn Ottubru tal-2005 u Jannar tal-2006.