Lokali

Ma jitressaqx il-Qorti b’ordni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

L-investigaturi konvinti li kien l-Ispettur Gabriel Micallef li tella’ l-vettura fuq il-‘lowloader’ u li neħħa l-balal tal-isparaturi… iżda ma jitressaqx il-Qorti

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali żamm lill-Korp tal-Pulizija milli jressaq il-Qorti lill-Ispettur Gabriel Micallef u jakkużah b’rabta mal-isparaturi mix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia; il-Kuntistabbli Paul Sheehan, fil-lejl tal-Erbgħa, 19 ta’ Novembru li għadda.

Artiklu ppubblikat fuq il-gazzetta il-mument jgħid li sorsi qalu lil il-mument li l-Fizzjali investigattivi ddiskutew ukoll dan il-każ mal-ogħla awtoritajiet fil-Korp tal-Pulizija, inkluż mal-Uffiċċju tal-Aġent Kummissarju Ray Zammit u kien hemm qbil ġenerali li hemm provi biżżejjed biex l-Ispettur Gabriel Micallef jitressaq il-Qorti.

L-investigaturi huma konvinti li kien l-Ispettur Gabriel Micallef li allegatament ħa ħsieb li l-karozza Vauxhall tas-sewwieq Stephen Smith tittella’ fuq il-lowloader tal-Pulizija u hekk intbagħbset ix-xena tad-delitt. Dan seħħ meta anqas biss kienet waslet fil-post is-Supretendent Alexandra Mamo u anki l-Maġistrat li ordnat inkjesta.

Oħt l-Ispettur Gabriel Micallef hi s-sieħba tax-xufier Paul Sheehan

Għall-investigaturi jirriżulta li kien l-Ispettur Gabriel Micallef – li oħtu hi s-sieħba tax-xufier Paul Sheehan – li mar fil-post u ġabar iż-żewġ balal sparati mill-pistola Glock li tispara balal tat-tip 9mm. L-investigaturi jemmnu wkoll li kien dan l-Ispettur – stazzjonat fit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga – li avviċina omm u bintha li kienu ħadu filmati bil-mobile, ħalli juruh u jagħtuh il-filmati.

Għall-investigaturi dak kollu li għamel mingħajr awtorizzazzjoni l-Ispettur Gabriel Micallef hu reat mill-aktar serju, għax li tbagħbas max-xena tar-reat hi xi ħaġa kbira ħafna.

F’dan l-isfond, meta l-investigaturi marru għand l-Avukat Ġenerali u fil-bidu tkellmu ma’ waħda mill-Avukati, jidher li huma ngħataw kull raġun biex iressqu lill-Ispettur Gabriel Micallef quddiem il-Qorti.

Iżda meta l-każ spiċċa quddiem id-Deputat Avukat Ġenerali Donatella Frendo Dimech, kien hemm żvolta oħra. Is-sorsi fissru li ma jistgħux jifhmu l-argumenti tad-Deputat Avukat Ġenerali u l-atteġġjament tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li daħal f’din it-taħwida.

Nhar il-Ġimgħa l-Pulizija ressqu l-Qorti u akkużawh li neħħa informazzjoni minn kompjuter lis-Surġent Leroy Balzan Engerer, Hu ċaħad bil-qawwa kull involviment u stqarr li fil-ħin ta’ bejn is-1 u s-2 ta’ waranofsinhar tas-Sibt, 22 ta’ Novembru, 2014 meta allegatament xi ħadd neħħa l-informazzjoni minn fuq l-istqarrija tax-xufier Paul Sheehan, hu (is-Surġent Balzan Engerer) ma kienx fl-Għassa ta’ Tas-Sliema.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale fid-digriet dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest, ħass li Balzan Engerer ma kellux jingħata l-libertà proviżorja u bagħtu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.