Lokali

Raġel f’qagħda kritika wara ħabta ma’ karozza tal-linja

Sewwieq ta’ 50 sena mir-Rabat jinsab f’qagħda kritika wara li bil-vettura tiegħu, Isuzu TFR, kien involut f’ħabta head-on ma’ karozza tal-linja f’Valletta Road, fl-Imdina. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ wara nofsinhar.

Fl-istess inċident weġġa’ wkoll żagħżugħ Rabti ta’ ħmistax-il sena, li kien passiġġier fl-Isuzu, u li sofra ġrieħi gravi. Fl-istess vettura kien hemm ukoll mara ta’ 55 sena, wkoll mir-Rabat, li fortunatament ma sofriet l-ebda ġrieħi.

Kellu bżonn l-assistenza wkoll anzjan ta’ 76 minn Ħal-Tarxien li kein passiġġier tal-karozza tal-linja, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 25 miż-Żurrieq.

Fuq il-post waslet ambulanza li ħadet lill-persuni lejn l-isptar Mater Dei. Il-Maġistrat Charmaine Galea fetħet inkjesta dwar dan l-inċident filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadom għaddejjin.