Iż-żagħżugħ Jacob Cachia l-Ħadd filgħodu wettaq ħolma oħra li kellu, dik li jitla’ t-taraġ kollu tad-daħla ta’ bieb il-belt Valletta. Sifda li forsi għal uħud tinstema’ waħda faċli, imma mhux għal bniedem bħal Jacob li fl-aħħar xhur iġġieled u għeleb l-isfidi ta’ saħħtu.
Sa sena ilu, Jacob kien qrib il-mewt wara li ħabta u sabta sofra emorroġija f’moħħu u qatta’ ġimgħat sħaħ f’koma. Madankollu Jacob miexi fit-triq biex jirkupra u fl-aħħar xhur mhux biss għamel l-O Levels imma wkoll beda jattendi kors fl-MCAST.
Tarġa tarġa, inkoraġġit minn membri tal-grupp Survivors Malta, Jacob wasal sa fuq nett; 77 tarġa. Din kienet sfida li omm Jacob, Sarah Cachia, fissritha bħala trionf li għandu jkun ukoll messaġġ ta’ inkoraġġiment għal min bħalissa għaddej minn diffikultajiet.
Imma għal Jacob, minbarra l-problemi ta’ mobilta’ li għadu qed jirkupra minnhom, it-taraġ tal-proġett ta’ Renzo Piano kienu wkoll sfida minħabba li hu qed jipprova jegħleb ukoll il-biża’ mill-għoli.
Din l-sifida mirbuħa minn Jacob hi t-tieni waħda fl-aħħar ftit jiem wara li hu rnexxielu jimxi wkoll it-triq kollha minn Santa Venera sal-Belt bħala parti mill-Fun Run tal-President. Sena ilu, hu għamel din l-isfida permezz ta’ wheelchair.
//= $special ?>