Lokali

Wirja mid-Die Cast & Scale Model Society

Għal sena oħra, l-għaqda Die Cast & Scale Model Society qed torganizza l-għaxar wirja annwali konsekuttiva tagħha fi Triq Mdina, Ħal Qormi. Id-dħul għal din il-wirja,li tiġi fi tmiemha t-Tnejn, hu b’xejn.

Die Cast & Scale Model Society, hija għaqda li twaqqfet fl-2001 minn Tarcisio Saliba, li ħalla din id-dinja fl-2011. Illum ‘il ġurnata, din l-għaqda titmexxa minn ibnu Alan. Din l-għaqda tħaddan fiha mal-45 membru, kollha kollezzjonisti ta’ diversi mudelli ta’ vetturi, minn karozzi, vannijiet, vetturi kummerċjali, vetturi tal-kostruzzjoni, muturi, dgħajjes, ajruplani u ħafna oħrajn.

Għal din il-wirja qed jieħdu sehem madwar 30 esebitur, b’iktar minn 1,500 mudell, kollha b’kollezzjonijiet differenti fuq skali diversi minn skala 1:200, 1:64, 1:50, 1:43, 1:35, 1:24, 1:18 u anke mudelli maħduma bl-idejn.

Kif jixhed l-isem tal-Għaqda, esebiti għal din il-wirja hemm mudelli Die Cast (mudelli tal-ħadid), u mudelli scale, li jinkludu mudelli mixtrija żarmati li jinbnew u jinżebaw mid-dilettant u mudelli maħduma bl-idejn mill-bidu.

Għal din il-wirja hemm esebiti bosta mudelli u kollezzjonijiet uniċi bħal mudelli ta’ karozzi antiki, moderni, sportivi, vannijiet, trakkijiet, vetturi ta’ kostruzzjoni, vetturi militari u ħafna oħrajn.

Jispikkaw bħal kull sena l-mudelli maħduma bl-idejn fostom xarabanks bil-kuluri tar-rotot antiki ta’ Malta kif ukoll diorama ta’ mudell ta’ ċirklu, li huwa uniku ġewwa pajjiżna.

Jispikkaw ukoll diversi diorami ta’ skali varji kif ukoll kollezzjoni ta’ materjal relatat mal-films ta’ James Bond, li dawn u ħafna aktar żgur ser jgħoġbu lil kull min iżur din il-wirja.

Għal aktar tgħarif, wieħed huwa mħeġġeġ sabiex iżur il-paġna fuq facebook, billi jikteb ‘Die Cast & Scale Model Society’, inkella jibgħat e-mail fuq diecastandscalemodel@gmail.com.