Lokali

BREAKING: Joseph Muscat se jħalli f’idejn Manwel Mallia biex jirriżenja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat talab lill-Ministru Manwel Mallia biex jirriżenja, iżda se jtih ċans biex jaqra r-rapport u wara jieħu deċiżjoni hu.

Dan ħareġ minn Press Briefing li sar illejla f’Kastilja u li kienet indirizzata mill-Prim Ministru Joseph Muscat akkumpanjat mill-Kap tal-Komunikazzjoni tiegħu, Kurt Farrugia u miċ-Chief of Staff tal-Uffiċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Joseph Muscat qal li skont ir-rapport imħejji minn tlett-eks ġudikanti, Manwel Mallia ma kienx involut fil-każ, iżda r-rapport sab li naqas meta kellu responsabbilta’ tal-istqarrija u meta kien messu assigura li ma jkunx fiha skorrettezzi. Dan anke wara li kien imwissi biex jikkoreġi l-ewwel stqarrija.

Jitneħħa l-Aġent Kummissarju Ray Zammit

Tħabbar ukoll li l-Aġent Kummissarju Ray Zammit se jitneħħa mill-Kariga u minfloku se jinħatar Michael Cassar li bħalissa jokkuppa l-kariga ta’ Kap tas-Servizzi tas-Sigurta’. Michael Cassar jibda jaqdi din il-kariga minn għada stess.

Intqal li l-Aġent Kummissarju m’aġġixxiex b’malizzja, iżda kellu negliġenza kbira u għandu jġorr ir-responsabbilta’.

Minflok Michael Cassar bħala Kap tas-Servizzi tas-Sigurta’ se jinħatar Joseph Bugeja, li bħalissa jokkuppa l-kariga ta’ Assistent Kap tas-Servizzi tas-Sigurta’.

Konfermat każ ta’ cover-up

Waqt il-Press Briefing, il-Prim Ministru qal li l-bord kkonferma li kien hemm attentat ta’ cover-up fuq il-każ tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, iżda dan l-attentat ta’ cover-up sar minn persuni qrib Paul Sheehan, fosthom nies li anke’ marru fuq il-post.

Fost dawk indikati fil-cover-up hemm l-Ispettur Gabriel Micallef, fost oħrajn.