Lokali

“Muscat kompla jitlef l-awtorita’ morali tiegħu” – Simon Busuttil

Jikkonferma kemm hu dgħajjef għaliex falla fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu bħala Prim Ministru

“Il-Prim Ministru illum kompla jitlef l-awtorità morali tiegħu hekk kif wera li huwa dgħajjef u li falla fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu bħala Prim Ministru.”

Simon FB weak with the strong bite the bullet moral authority

‘Post’ tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fuq Facebook

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil wara d-deċiżjoni li ħabbar il-Prim Ministru Joseph Muscat illejla fejn ħalla f’idejn il-Ministru Manuel Mallia jirriżenjax, flok għamel dmiru u qabad u neħħieh.

Filwaqt li ammetta għall-ewwel darba li sar cover-up kif ilha tgħid l-Oppożizzjoni mill-bidu nett, il-Prim Ministru wera kemm hu dgħajjef meta jiġi biex jieħu deċiżjonijiet importanti, u ma kellux il-kuraġġ politiku u morali li jaqbad u jneħħi lill-Ministru Manuel Mallia minkejja li jaħseb li għandu jirriżenja.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni żied jgħid li dak li assista għalih il-poplu Malti għal dawn l-aħħar tliet ġimghat kien teatrin sħiħ ta’ Gvern b’cover-up biex jiprova jgħatti l-gideb b’aktar gideb. “Huwa ċar li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien aktar moħħu jiprova jgħatti xturu milli jgħid il-verità u jerfa’ r-responsabbiltà politika li tant priedka dwarha.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-kredibilità tal-Prim Ministru qalgħet tisbita kbira u l-poplu illum bir-raġun qed jiddubita mill-kelma tal-Prim Ministru.