Futbol Sport

11-il tim jissieltu għal-aħħar ħames postijiet

Magħrufa l-partiti tal-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League

CHAMPIONS LEAGUE: Bejn illum u għada 11-il tim se jkunu qed jissieltu biex jiksbu l-aħħar ħames postijiet disponibbli għall-fażi tal-aħħar 16. Minn dawn il-konfronti hemm tlieta minnhom diretti. L-uniku żewġ timijiet fl-azzjoni u li diġa’ jafu li huma eliminati kemm miċ-Champions League kif ukoll mill-Europa League huma Benfica u Galatasaray filwaqt li Anderlecht huma l-uniku tim li matematikament jafu li m’humiex se jgħaddu mal-aħħar 16 taċ-Champions League imma għandhom posthom konfermat fl-Europa League.

Mill-partiti ta’ llum l-aktar li jispikkaw se jkunu dawk bejn Atletico Madrid u Juventus f’Turin u Liverpool u Basel f’Anfield.
Iċ-champions Taljani jridu minn tal-anqas draw biex jgħaddu iżda meta wieħed jiftakar li staġun ilu dawn ukoll kellhom bżonn biss draw biex jgħaddu u sfaw eliminati kontra Galatasaray. Il-Bianconeri żgur li jridu jevitaw li jiġri l-istess. Fi tmiem il-ġimgħa t-tim ta’ Massimo Allegri ġie miżmum draw 0-0 minn Fiorentina filwaqt li Atletico sabuha faċli biex rebħu 2-0 kontra Elche.

Ta min jiftakar li fl-ewwel konfront ta’ bejniethom, f’Ottubru li għadda, Atletico Madrid mhux biss kienu taw l-ewwel telfa lil Juventus imma anke skurjawlhom l-ewwel gowl. Atletico, finalisti telliefa ta’ staġun ilu diġa’ ikkwalifikaw għall-fażi li jmiss imma żgur li se jippruvaw jirbħu l-grupp biex jevitaw li jiġu kontra timijiet kbar. Minn naħa tagħhom Juventus jittamaw li l-fatt li se jkunu qed jilagħbu quddiem il-pubbliku tagħhom stess jgħinhom mhux biss biex jiksbu l-kwalifikazzjoni imma anke biex jittantaw xortihom u jirbħu b’distakk ta’ aktar minn żewġ gowls biex saħanistra jkunu huma li jirbħu l-grupp.

F’Anfield it-tim ta’ Liverpool immexxi minn Brandan Rodgers irid rebħa kontra t-tim ta’ Basel. Dawn tal-aħħar kienu għelbu lir-Reds 1-0 f’St Jakob Park fl-Iżvizzera. Wieħed jista’ jgħid li l-avventura ta’ Liverpool fiċ-Champions League s’issa ma tanx kienet waħda impressjonanti fejn wara li rebħu bil-ħniena fl-ewwel logħba f’Anfield kontra Ludogorets, sofrew telfa wara l-oħra. Ġimgħatejn ilu kienu viċin li jiksbu post fil-fażi li jmiss sakemm nuqqas ta’ konċentrazzjoni minn naħa tal-plejers wassal biex Ludogorets salvaw punt fid-draw ta’ 2-2.

Fi tmiem il-ġimgħa LiveRPool reġgħu iddiżappuntaw u ħadu biss draw ta’ 0-0 kontra Stoke filwaqt li Basel kisbu rebħa tajba ta’ 3-0 barra minn darhom kontra Luzrern.

Real Madrid diġa’ ikkwalifikaw bħala rebbieħa tal-grupp imma llejla, kontra Ludogorets jistgħu jiksru rekord tar-rivali Barcelona. S’issa Real rebħu 18-il logħba konsekuttiva u jekk jirbħu llejla jwaqqfu rekord ta’ 19-il logħba konsekuttiva. Fl-istaġun 2005-6 it-tim ta’ Barcelona ta’ Frank Rijkaard kien wasal sa 18-il rebħa konsekuttiva.

Fi Grupp Ċ jispikka konfront dirett bejn Monaco u Zenit SP. Filwaqt li Bayer Leverkusen diġa’ ikkwalifikaw, il-konfront fi Stade Louis se jiddeċiedi min se jkun it-tieni tim li jgħaddi minn dan il-grupp. Fis-Russja, l-partita bejn dawn it-tnejn intemmet fi draw ta’ 0-0. Iż-żewġ timijiet se jkunu ġejjin minn rebħa fil-kampjonat domestiku iżda ta min jiftakar li filwaqt li Zenit qegħdin l-ewwel f’pajjiżhom, Monaco qegħdin fit-tmien post.

L-interess dwar Grupp D hu biss dwar min se jirbaħ il-grupp hekk kif Borussia Dortmund u Arsenal diġa’ ibbukkjaw posthom mal-aħħar 16.

L-aktar konfront li jispikka għada se jkun bla dubju fl-Olimpico bejn Roma u Manchester City.

Il-programm

Illum

Grupp A
Juventus v A.Madrid
Olympiakos v Malmo

Grupp B
Liverpool v Basel
R.Madrid v L.Razgrad

Grupp Ċ
Benfica v B.Leverkusen
Monaco v Zenit SP

Grupp D
B.Dortmund v Anderlecht
Galatasaray v Arsenal

Għada

Grupp E
B.Munich v CSKA Moscow
Roma v Man City

Grupp F
Ajax v APOEL
Barcelona v PSG

Grupp Ġ
Chelsea v Sporting CP
Maribor v Schalke

Grupp Ħ
A.Bilbao v BATE Borisov
Porto v S.Donetsk