Lokali

12-il siegħa wara: Manuel Mallia għadu Ministru

12-il siegħa wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kien talab lill-Ministru tal-Intern jirriżenja, Manuel Mallia għadu Ministru jirreżisti li jirriżenja wara skandlu li ġie kkonfermat ukoll minn inkjesta maħtura mill-Prim Ministru stess.

Id-dgħufija tal-Prim Ministru kkummenta dwarha l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil mill-ewwel hekk kif ilbieraħ filgħaxija kkummenta li dan hu Prim Ministru dgħajjef quddiem deċiżjonijiet importanti u li tilef kull awtorità morali.

Il-Prim Ministru lbieraħ ġabar il-ġurnalisti Kastilja u żammhom jistennew aktar minn sagħtejn sakemm hu u l-Ministru Mallia qagħdu jiġġieldu fuq jekk il-Ministru tal-Intern għandux jirriżenja. Fil-press briefing li l-Prim Ministru kellu jagħmel tard ħafna, hu spiċċa fil-pożizzjoni li jgħid li kien talab lill-Ministru tal-Intern jirriżenja u qed iħalli f’idejn Manuel Mallia jirriżenjax jew le.

L-inkjesta maħtura mill-Prim Ministru stess ammettiet li kien hemm cover-up u dan saħansitra qabel ma qed ikomplu joħorġu aktar konverżazzjonijiet li juru li l-Ministru Mallia ndaħal direttament fl-investigazzjoni li kienu bdew il-pulizija.