Id-Deputat Laburista Cramelo Abela qed jaqla’ €73,000 fis-sena minn tliet karigi li ngħata mill-Gvern. Minkejja li kien elett fl-aħħar elezzjoni u minkejja li kien identifikat fl-opinjoni pubblika bħala Deputat potenzjali għal kariga Ministerjali, il-Prim Ministru għażel li jħallih barra minn kull kariga.
Kien biss riċentament li l-Prim Ministru ħatar lil Carmelo Abela bħala Kelliem tal-Gvern f’kariga li qatt ma kienet maħtura qabel fl-ebda leġislatura. Minkejja din il-kariga, Carmelo Abela ma kienx appuntat fil-Kabinett tal-Gvern.
Jirriżulta li għal din il-kariga, Carmelo Abela ngħata rimunerazzjoni ta’ €31,000. Flimkien ma’ dawn, id-Deputat Laburista Carmelo Abela ngħata wkoll €6,000 oħra bħala allowance għal spejjeż addizjonali u użu ta’ karozza b’valur ta’ €4,658 oħra. Dan iġib ir-rimunerazzjoni ta’ ftit aktar minn €42,000.
Minbarra dawn il-karigi, id-Deputat Laburista Carmelo Abela hu wkoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista b’salarju ieħor ta’ €31,000 maqsuma f’€20,604 bħala Deputat u €10,302 bħala Whip tal-Gvern.
Dan kollu jammonta għal dħul ta’ €72,984, li jeskludi capping ta’ €6,000 fis-sena għall-mobile lill-Whips u internet b’xejn fid-dar imħallas mill-Parlament.
//= $special ?>