Hull City se jkollhom l-opportunità li jpattuha lill-holders Arsenal fit-tielet round tal-FA Cup wara li ttellgħu kontra xulxin f’dik li se tkun ripetizzjoni tal-final tal-istaġun li għadda. Iż-żewġ klabbs tal-Premier se jkunu qed jiltaqgħu fl-Emirates Stadium kmieni f’Jannar.
It-tim ta’ Steve Bruce sab ruħu 2-0 minn fuq wara tmien minuti fil-final tal-2013-14 f’Wembley f’Mejju, bid-difensuri James Chester u Curtis Davis jiskorjaw il-gowls.
Imma t-tim ta’ Arsene Wenger kien wettaq rimonta u sforza l-ħin barrani hekk kif Santi Cazorla u Laurent Koscielny għamlu l-iskor indaqs qabel Aaron Ramsey skorja l-gowl rebbieħ fil-108 minuti u temm disa’ snin stennija tal-klabb biex jirbaħ unur.
Dan se jkun wieħed mill-erba’ konfronti diretti bejn tal-Premier hekk if Burnley ttellgħu biex jilqgħu lil Tottenham, West Ham imorru għand Everton u Newcastle iżuru lil Leicester City.
Il-klabbs non-league ta’ Wrexham, Gateshead u Dover se jiltaqgħu kontra Stoke City, West Brom u Crystal Palace rispettivament.
AFC Wimbledon, debuttanti fit-tielet round jilqgħu lil Liverpool waqt li Manchester United imorru għand Accrington Stanley jew Yeovil.
It-tim ta’ Louis Van Gaal rebaħ l-FA Cup 11-il darba, imma darba biss sa mill-bidu tas-seklu u jrid jistenna sas-16 ta’ Diċembru biex ikun jaf l-avversarji tiegħu.
B’kollox dakinhar se jkunu qed jintlagħbu seba’ replays biex in-numru ta’ timijiet fil-kompetizzjoni jonqas minn 71 għal 64 qabel it-tielet round li se jintlagħab fi tmiem il-ġimgħa li tibda fit-3 ta’ Jannar.
“Ma jistax ikollok replay aqwa minn din. Tirbaħ u tilgħab kontra Manchester United tista’ tkun id-differenza li wieħed jara jekk hux kapaċi jagħti sfida għall-promozzjoni jew le. Ittaffilek kwalunkwe problema finanzjarja,” qal il-manager ta’ Accrington John Coleman.
Dawk fit-tielet round jinsabu ħames rebħiet bogħod mill-final ta’ Wembley u meta ż-żewġ timijiet mill-final tal-istaġun li għadda ttellgħu l-ewwel flimkien, instemgħet għajta ta’ sorpriża.
L-anqas tim fir-ranking li fadal fil-kompetizzjoni, Blyth Spartans, jiltaqgħu kontra Birmingham City.
Imma f’Dover, Wrexham u Gateshead se jkunu qed jiltaqgħu kontra timijiet mill-Premier b’tal-aħħar fit-
tielet round għall-ewwel darba f’60 sena.
Chelsea, seba’ darbiet rebbieħa tal-FA Cup u liders tal-Premier League, jilagħbu kontra Watford li jinsabu fis-sitt post fiċ-Championship. Manchester City wkoll għandhom logħba f’darhom kontra avversarji minn diviżjoni inferjuri, Sheffield Wednesday.
Nofs it-timijiet miċ-Championship se jkunu qed jiltaqgħu kontra xulxin fit-tielet round hekk kif hemm sitt konfronti diretti.
Madankollu, l-liders Derby County se jilqgħu lil Southport li bħalissa jinsabu fl-20 post fil-Conference.
Sunderland tal-Premier, rebbieħa darbtejn tal-FA Cup, jiltaqgħu kontra Leeds United f’ripetizzjoni tal-final tal-1973, waqt li Ipswich se jkunu qed ifittxu parteċipazzjoni fir-raba’ round għall-ewwel darba sa mill-1993, meta jiltaqgħu kontra Southampton f’St. Mary.
Aston Villa, li fl-aħħar sentejn kienu eliminati minn timijiet ta’ diviżjoni inferjuri, se jilqgħu lil Blackpool f’Villa Park.
Chesterfield ta’ League One qed jiffaċċjaw akkuża mill-FA talli lagħbu plejer ineliġibbli kontra MK Dons fit-tieni round, imma telgħu barra minn darhom għand Worcester City jew Scunthorpe United. Id-Dons se jkunu qed jieħdu post is-Spireites jekk il-klabb minn Derbyshire jitneħħa.
FA Cup III Rd
- Arsenal v Hull City
Southampton v Ipswich
Stoke v Wrexham
Charlton v Blackburn
Dover Athletic v Crystal P.
AFC Wimbledon v Liverpool
Man City v Shef. Wed.
Aldershot/Rochdale v Nottm F.
West Brom v Gateshead
Blyth S v Birmingham C
Aston Villa v Blackpool
Rotherham v AFC Bournemouth
Huddersfield v Reading
Oxford/Tranmere v Swansea
Cardiff v Colchester
Bolton v Wigan
Sunderland v Leeds
Burnley v Tottenham
Millwall v Bradford
Derby v Southport
Brentford v Brighton
Fulham v Wolves
Leicester v Newcastle
Scunthorpe/Worcester v Chesterfield
Everton v West Ham
Cambridge Utd/Mansfield v Bury/Luton
Chelsea v Watford
Barnsley/Chester v Middlesbrough
QPR v Sheffield United
Accrington/Yeovil v Man Utd
Preston v Norwich
Doncaster v Bristol City
Jintlagħbu bejn it-3-6 ta’ Jannar
//= $special ?>