Lokali Qorti

FIL-QORTI – XHIEDA TA’ CLAUDIA NICASTRO

“Rajtu jispara żewġ tiri u t-tifla bil-ponti f’wiċċha bdiet tibki bil-biża’” -Claudia Nicastro

Claudia Nicastro hi omm ta’ żewġt itfal li toqgħod fi Triq Wied il-Kappara fil-Gżira u llum xehdet fl-ewwel jum tal-kumpilazzjoni tal-isparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia u rrakkontat kif rat iseħħu quddiemha ż-żewġ sparaturi, filwaqt li t-tifla tagħha li kienet ġewwa u li kienet għadha kemm ġejja d-dar mill-Isptar, bdiet tibki bil-biża’.

Hi qalet li l-kċina tad-dar tagħti għal fuq Triq Wied il-Kappara u għall-ħabta tad-8.45 p.m. Tal-Erbgħa, 19 ta’ Novembru li għadda bdiet tisma’ ħafna għajjat u storbju u ttawlet barra u rat żewġt irġiel jargumentaw.

Wieħed mill-irġiel kellu l-karozza wieqfa fuq sinjal Stop fit-triq, filwaqt li l-ieħor kellu pistola f’idejh. L-ewwel raġel beda jgħid lit-tieni wieħed: “Għalfejn għandek l-arma? Tista’ tneħħiha…”, filwaqt li l-ieħor beda jgħidlu li kellu l-arma f’idu għax kien ipprova jħebb għalih.

Dak li kellu l-pistola f’idu, kompliet tirrakonta Claudia Nicastro, fl-id l-oħra kellu mobile u deher jitkellem ma’ xi ħadd, x’aktar mal-Pulizija u f’daqqa waħda l-ewwel sewwieq deher jidħol fil-karozza tiegħu u jsuq.
Hi qalet li dak il-ħin ir-raġel li kellu l-arma f’idejh ratu jispara żewġ tiri, jirkeb fil-karozza tiegħu u jmur jiġri jsegwi l-ewwel karozza.

Hi qalet li kollox ġara f’temp ta’ ftit ħin.

Mistoqsija jekk l-ewwel raġel – is-sewwieq Skoċċiż – kellux xi ħaġa f’idu, hi wieġbet li ma tiftakar li kellu xejn f’idejh.

Hi kompliet li kollox sar fi ftit tal-ħin u d-distanza ta’ bejn iż-żewġt irġiel kient biss ta’ ftit metri.
Claudia Nicastro, li fil-ħin tal-inċident kienet qed tistenna lit-tifel tagħha jirritorna mill-futbol, kompliet li hi segwiet kollox mit-tieqa li għandha fit-tielet sular tal-blokka bini fejn toqgħod.

Hi kkonfermat li rat liż-żewġ tiri jiġu sparati, kif ukoll li l-ewwel xufier jirkeb u jaħrab bil-karozza tiegħu u wara jkunu sparati ż-żewġ tiri

Kontro-eżami riservat.