Lokali Qorti

FIL-QORTI – XHIEDA TA’ LIDGIA FARRUGIA SAMMUT IT-TIFLA

“Meta rajt dik ix-xena, kelli l-mobile f’idi u bdejt nirrekordja kollox” -Lidgia Farrugia Sammut

Lidgia Farrugia Sammut hi waħda mix-xhieda l-aktar importanti li rat in persona l-inċident u l-isparatura tax-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia fuq l-Iskoċċiż Stephen Smith fil-lejl tal-Erbgħa, 19 ta’ Novembru li għadda fil-Gżira u spjegat li appena hi rat dik ix-xena, kellha l-mobile f’idha u bdiet tirrekordja dak kollu li kien qiegħed iseħħ.

Fuq il-pedana tax-xhieda u f’Awla mimlija Pulizija, Avukati, Ġurnalisti u anki familjari tal-Kuntistabbli Paul Sheehan, Lidgia Farrugia Sammut bdiet biex qalet li hi miżżewġa Malti u ilha toqgħod Malta għal dawn l-aħħar sentejn u nofs.
Qalet li flimkien ma’ ommha dakinhar kienu qed jirritornaw id-dar wara li kienu marru dawra bil-klieb tagħhom. Għall-ħabta tat-8.30 huma kienu sejrin lura, iżda fi Triq Edgar Bernard raw dak li huma ddeskrivew bħala inċident tat-traffiku.

Iżda dak li ma kienx normali kien li wieħed mill-irġiel – li hi għarfitu fl-Awla bilqegħda ġewwa l-iżbarra – kellu f’idu l-leminija pistola u beda jxejjirha. “Għedt lil ommi u din inħasdet.”

Kien f’dan il-mument li hi bdiet tirrekordja kollox u filwaqt li l-ewwel raġel – l-Iskoċċiż – kien qiegħed jistrieħ mas-saqaf tal-karozza tiegħu b’idejh impoġġija fuq l-istess saqaf tal-karozza, ir-raġel l-ieħor kien jinstema’ jgħajjat u bil-pistola f’idu.

Hi qalet li huma nħasdu b’dak li kienu qed jaraw, sal-mument li l-ewwel raġel rawh jirkeb fil-karozza u jsuq biex jipprova jaħrab. It-tieni raġel għamel passejn lejn in-nofs tat-triq, immira dritt u spara żewġ tiri konsekuttivi.
Għal mument l-ewwel karozza bħal donna waqfet u ommha qaltilha li s-sewwieq tagħha kien intlaqat. Iżda immedjatament is-sewwieq aċċellera l-veloċità u żied jaħrab. Huma ħadu nifs ‘il ġewwa għax dan kien ifisser li hu ma kienx intlaqat bit-tiri.

Immedjatament ir-raġel l-ieħor, kompliet tispjega Lidgia Farrugia Sammut li hi minn Nikaragwa, daħal fil-karozza skura tiegħu u saq bis-saħħa biex isegwi l-ewwel karozza.

Hi qalet li tiftakar sew li dik il-karozza sewda kellu l-pjanċi GM14 u aktar tard saret taf li dik kienet karozza ta’ Ministru.

Waqt li kienu għadhom taħt xokk qawwi, waqfet ħdejhom karozza oħra b’żewġ persuni fiha – sewwieq u passiġġier. Il-passiġġier staqsiha dwar l-inċident u dwar l-isparatura. Staqsiha wkoll id-direzzjoni li fiha saqu kif ukoll dwar il-filmat li kienet ġibdet, iżda hi beżgħet u filwaqt li qaltlu f’liema direzzjoni saqu ż-żewġ karozzi, ħbiet il-mobile għaliex beżgħet.

Lidgia Farrugia Sammut fissret li l-passiġġier li kellimha kellu għajnejh ċari u kellu xi ftit tal-leħja. Lis-sewwieq ma ratux għax kien id-dlam.

Hi spjegat lill-Qorti fid-dettal ix-xena li rat, fosthom ukoll kif iż-żewġ karozzi kienu paralleli għal xulxin, fil-karozza Vauxhall ftit ‘il quddiem, filwaqt li l-karozza bil-pjanċi GM14 fil-ġenb tat-triq ħdejn il-bankina.

Mistoqsija jekk lill-ewwel raġel ratlux xi ħaġa f’idejh, hi wieġbet fin-negattiv, filwaqt li ddeskriviet kif it-tieni raġel mhux biss kellu arma f’idu l-leminija u l-mobile fl-id l-oħra, iżda kien jinstema’ agressiv ħafna.

Lidgia Farrugia Sammut ikkonfermat għal aktar minn darba li t-tiri sparati kienu tiri dritti lejn il-karozza li kienet qed taħrab mill-post tal-inċident.