“Kif rajt lir-raġel jipponta l-arma ksaħt” -Lidgia Sammut
Lidgia Sammut, li flimkien ma’ bintha fil-lejl tal-Erbgħa, 19 ta’ Novembru 2014 kienet sejra lura d-dar wara passiġġata bil-klieb, qalet li meta rat lil wieħed mill-irġiel bl-arma tan-nar f’idu beżgħet ħafna u “ksaħt”.
Lidgia Sammut, li kienet qed tixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja fl-ewwel jum tal-kumpilazzjoni tal-isparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, il-Kuntistabbli Paul Sheehan qalet li hi ilha Malta għal dawn l-aħħar sentejn u nofs u tgħix flimkien ma’ bintha.
Fil-ħin tal-inċident hi u t-tifla tagħha kienu sejrin lura lejn id-dar wara li kienu marru dawra bil-klieb tagħhom. F’mument minnhom fil-kantuniera jew kważi ta’ Triq Edgar Bernard fil-Gżira huma raw żewġ karozzi li milli jidher kienu involuti f’ħabta.
Madankollu kien hemm ukoll żewġt irġiel u t-tifla tagħha ġibditilha l-attenzjoni li wieħed minnhom kellu arma tan-nar f’idu. Meta hi tat każ għal dan inħasdet u “ksaħt”.
Hi qalet li lil dan ir-ragel – li hi ma kenitx kapaċi tagħrfu fl-Awla għax fix-xena tad-delitt ratu biss minn wara – semgħetu jargumenta b’vuċi għolja ħafna, filwaqt li f’idu kellu l-arma tan-nar.
Sadattant l-ieħor rikeb fil-karozza u saq biex jaħrab mill-post, iżda r-raġel l-ieħor ipponta l-arma u spara lejn il-karozza.
Hi qalet li fid-dawl ta’ dan ix-xenarju kollu hi ħassitha xxukkjatha għall-aħħar u anki beżgħana ħafna.
Immedjatament ir-raġel li kellu l-pistola f’idu rikeb il-karozza l-oħra u saq għal warajh.
Hi qalet li din kienet xena tal-biżgħa. Fil-pront waslet ħdejhom karozza oħra b’żewġ persuni fiha u wieħed minnhom staqsihom x’kien ġara u dwar il-filmat li kienu ġibdu, iżda t-tifla tagħha beżgħet u ħbiet il-mobile.
Din il-karozza saqet għal wara l-oħrajn.
Mistoqsija mill-ġdid jekk tagħrafx lir-raġel li kellu l-arma f’idu, hi qalet li ma tistax tagħmel dan għax lil dan ir-raġel bl-arma f’idu ratu minn wara.
Kontro-eżami riservat.
//= $special ?>