Lokali Qorti

FIL-QORTI – XHIEDA TA’ PC1223 EMAN GRIMA

“Spara żewġ tiri u lili qalli li ma bgħatthomlux!” -PC1223 Eman Grima

Il-Kuntistabbli Eman Grima (PC1223), li hu stazzjonat fil-Control Room tad-Depot tal-Pulizija, qal li dakinhar tal-isparatura, jiġifieri fil-lejl tal-Erbgħa, 19 ta’ Novembru li għadda, hu kien xogħol bejn it-8 p.m. u l-5 a.m.

Ftit qabel id-9 p.m. daħlet telefonata minn xi ħadd li talab l-għajnuna tar-Rapid Intervention Unit (RIU). Xtaqhom ħdejn il-Pixxina fil-Gżira.

Hu qal li hu talbu jgħidlu fejn riedhom eżattament u hu beda jgħidlu li xi ħadd kien faqagħlu l-karozza tal-Ministru. Qallu wkoll li hu kien ix-xufier tal-Ministru.

Hu kompla jgħidlu li ma setax isuq għax kien bil-karozza mifqugħa.

F’daqqa waħda f’dan il-mument instemgħu ż-żewġ tiri u l-persuna fuq in-naħa l-oħra tal-linja beda jgħid li kien ħarablu u li kien qed isuq fid-direzzjoni tat-Triq Reġjonali.

F’mument minnhom qallu wkoll li se jibqa’ jagħtih it-tiri sakemm jieqaf.

Il-Kuntistabbli Eman Grima qal li min kien qiegħed ikellmu fl-ebda ħin ma qallu min kien, għajr li kien ix-xufier ta’ Ministru.