Lokali Qorti

Fil-Qorti – XHIEDA TA’ STEPHEN SMITH

“Kif rajtu jipponta l-arma bżajt, irkibt fil-karozza u ħrabbt għax bżajt għal ħajti”-Stephen Smith, is-sewwieq Skoċċiż

Is-sewwieq Skoċċiż Stephen Smith irrakkonta fil-Qorti kif wara li hu laqat il-karozza Mercedes MG14 ipparkjata fi Triq Wied il-Kappara fil-Gżira, hu niżel mill-karozza biex jara x’kien ġara u fil-pront ħareġ għalih Paul Sheehan, ix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, u beda jipponta l-arma u hu, bil-biża’, reġa’ rikeb fil-karozza u ħarab għax beża’ għal ħajtu.

Meta kien qiegħed jagħti x-xhieda tiegħu fl-ewwel jum tal-kumpilazzjoni, Stephen Smith, b’xhieda bil-lingwa Ingliża, qal li hu jismu Stephen Morrison Smith, hu miżżewwġ u joqgħod Birkirkara. Hu involut bin-negozju u għalhekk minn żmien għal żmien ikollu jsiefer fuq xogħol.

Mistoqsi numru ta’ domandi mill-Avukat Joseph Giglio, Stephen Smith beda biex qal li dakinhar tal-Erbgħa, 19 ta’ Novembru li għadda hu għadda xi ħin jixrob flimkien ma’ numru ta’ persuni oħra fil-ħanut Black Gold.

Għall-ħabta tat-8.30 p.m. hu telaq biex imur lura d-dar, iżda qabel ried jieqaf f’xi confectionary minħabba li ried jixtri l-ilma għad-dar. Ma rnexxielux jieqaf fl-ewwel confectionary li xtaq għax ma sabx parkeġġ u għalhekk baqa’ sejjer biex imur f’confectionary oħra.

F’mument minnhom waqt li kien qiegħed isuq fi Triq Wied il-Kappara laqat karozza u sema’ ħoss u għalhekk waqaf u niżel mill-karozza biex jara x’kien ġara. Fil-pront appena waqaf sema’ ħsejjes kbar u għajjat u ra raġel verament irrabjat b’arma tan-nar f’idu.

Hu beża’ ħafna b’dak li kien qiegħed jiġri u għalhekk waqt li r-raġel l-ieħor kien fuq il-mobile, reġa’ rikeb fil-karozza tiegħu u saq lil hinn għax tassew beża’ u ried jibża’ għal ħajtu.

Stephen Smith qal li hu kien taħt xokk kbir bid-dehra ta’ dak ir-raġel bl-arma f’idu, iżda appena hu dar għal Triq Edgar Bernard, sema’ lir-raġel l-ieħor jispara għal darbtejn.

Hu qal li ma kienx irrealizza li fil-fatt il-karozza Vauxhall tiegħu kienet intlaqtet darbtejn. “Ippruvajt naħrab lejn Triq Reġjonali, bil-karozza Mercedes tiġri warajja.

“Taħt il-Mina ma nafx x’ġara u l-karozza tiegħi waqfet. Fil-pront laħqitni l-karozza l-oħra, iżda kien ta’ solliev kbir għalija meta bdejt nisma’ mhux biss lis-sireni tal-karozzi tal-Pulizija resqin lejna, imma anki bdejt nara wkoll id-dawl blu tal-istess karozzi,” irrakkonta lill-Qorti Stephen Smith.

Hu kompla li filwaqt li kien taħt xokk kbir, il-Pulizija qabduh u poġġewh wiċċu fl-art u mmanettjawh, fost ħafna għajjat biex ma jitkellimx u biex ma niftaħx ħalqi. Jiftakar tajjeb ħafna kif il-Pulizija kienu raffi miegħu u anqas iċaqlaq rasu ma ħallewh.

Hu rrakkonta kif matul dik il-lejla ttieħed fi tlett Għases differenti tal-Pulizija. Ħadulu wkoll test tan-nifs iżda ma jiftakarx jekk ingħadlux l-eżitu ta’ dak it-test li kien għamel.

Stephen Smith żied jispjega lill-Qorti li d-distanza bejnu u bejn ir-raġel l-ieħor meta dan beda jipponta l-arma kienet waħda qasira ta’ ftit metri biss – forsi bejn 25 u 30 pied biss.

Hu qal li mhux biss jagħraf sew lill-imputat bħala r-raġel li aggredith fil-lejl tal-Erbgħa, 19 ta’ Novembru, imma wkoll jiftakar tajjeb li dakinhar Paul Sheehan kien liebes top abjad u qalziet skur.

Mistoqsi jekk fil-ħin tal-argument kellux xi ħaġa f’idu, hu qal li ma kellu assolutament xejn f’idejh.

Hu qal li jiftakar tajjeb kif ir-raġel l-ieħor (Paul Sheehan) kellu f’idu l-leminija l-arma, iżda ma jiftakarx li fl-id l-oħra kellu xi ħaġa oħra.

Hu temm li din għalih kienet esperjenza xokkanti u ħarab biss mill-post għax tassew beża’ għal ħajtu.