“Talab l-assistenza legali ta’ Manwel Mallia… u ma setax jifhem li dan ma setax isir” -Spettur Saviour Baldacchino
L-Ispettur Saviour Baldacchino mid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) xeheb illum li Stephen Smith, is-sewwieq Skoċċiż ried li jkollu l-assistenza legali tal-Avukat Manwel Mallia iżda dan ma kienx possibbli għax Manwel Mallia, sa dakinhar, kien jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Madankollu dan l-argument hu ma setax jifhmu, forsi wkoll għax kien taħt l-effett tax-xorb.
L-Ispettur Saviour Baldacchino fix-xhieda tiegħu beda biex qal li għall-ħabta tal-9.45 p.m. ċemplitlu s-Supretendent Alexandra Mamo u ordnatl lilu u lit-tim tiegħu biex imorru jassistuha fil-post tal-isparatura.
Hu qal li huma marru fil-post indikat fil-Mina ta’ Santa Venera fid-direzzjoni lejn in-Nofsinhar. Hemmhekk sabu lill-Assistent Kummissarju Sandro Zarb u tkellmu dwar dak li kien ġara.
Stabbilew li l-karozza Mercedes sewda tal-eks Ministru Manwel Mallia kienet intlaqtet minn karozza oħra, kienu ġew sparati xi tiri u kienu intervjenew tal-RIU. Il-karozza l-oħra involuta kienet bi pjanċi ta’ barra u kienet milquta wkoll minn żewġ balal – waħda fil-bumper fuq wara u l-oħra fin-naħa ta’ fuq tal-windscreen ta’ wara.
Hu qal li kien infurmat li kienet qed issir Inkjesta bil-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li kellha jgħinuha numru ta’ esperti tal-Qorti.
Hu qal li l-Assistent Kummissarju Sandro Zarb u xi Pulizija oħra marru fil-post fejn kienu sparati t-tiri biex forsi jinstabu l-iskrataċċ u jinġabru. Fil-fatt huma marru fil-post indikat iżda minkejja tfittxijiet estensivi l-iskrataċċ – tnejn b’kollox – baqgħu ma nstabux!
L-Ispettur Saviour Baldacchino kompla li sadattant Stephen Smith ittieħed fl-Għassa ta’ San Ġiljan biex jitteħidlu test tan-nifs. Dan wara li kien imwissi dwar id-drittijiet tiegħu. Hu irrifjuta li jagħmel dan it-test.
Wara ttieħed fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida fejn kienet qed titmexxa l-Inkjesta bil-Maġistrat. Hemmhekk reġa’ ntalab biex jagħmel dan it-test tan-nifs u hu aċċetta. Dejjem fil-preżenza tal-Maġistrat.
Hu qal kif Stephen Smith ripetutament ried li jkun assistit mill-Avukat Manwel Mallia iżda ngħadlu u kien spjegat lilu li dan ma kienx possibbli.
Hu qal li fl-Għassa tal-Imsida ttieħed ukoll il-Kuntistabbli Paul Sheehan li talab id-dritt tal-assistenza legali u għal dan l-iskop identifika lill-Avukat Arthur Azzopardi biex imur, kif fil-fatt għamel, jassistih.
Hu qal li l-involviment tiegħu fl-investigazzjonijiet dwar dan il-każ komplew fl-24 ta’ Novembru meta reġa’ tkellem max-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia.
Hu spjega li l-verżjoni li kien tahom Paul Sheehan ma kenitx taqbel mal-provi miġbura minnhom fir-rekording tat-telefonata lill-Control Room tal-Pulizija.
Invita ta’ dan intalab mandat ta’ arrest li nħareġ u fis-26 ta’ Novembru hu kien arrestat mill-ġdid u tressaq il-Qorti u kien akkużat b’disa’ kapi ta’ akkuża.
Hu qal li qabel ma tressaq il-Qorti, huma semgħu b’mod ripetut ir-rekordings tat-telefonata li saret lill-Control Room fejn jinstemgħu ż-żewġ tiri u minn hemm ħareġ ċar li qabel ma spara, Paul Sheehan ma kienx ikklokkja l-arma biex itella’ l-balla.
Minħabba f’hekk il-Pulizija ddeċiedew li joħorġu l-att ta’ akkuża li fil-fatt ħarġu.
L-Ispettur Saviour Baldacchino kompla li huma investigaw ukoll lit-tielet karozza, dik li marret fil-post fi ftit sekondi wara. Dik li fiha ngħad li kien hemm passiġġier b’leħja ta’ ftit jiem u b’għajnejn ċari. Saret identifikazzjoni ta’ dan il-persuna u fil-fatt il-Pulizija talbu lil Daniel Grech biex jgħin fl-investigazzjonijiet tagħhom wara li rriżulta li dan mar jassisti lill-Kuntistabbli Paul Sheehan.
//= $special ?>