“Kif wasalt fix-xena tar-reat sibt il-karozza milquta diġà fuq il-lowloader u b’ton għoli għedt: X’għamiltu?” -is-Supt. Alexandra Mamo
Is-Supretendent Alexandra Mamo li hi stazzjonata fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema, f’xhieda diretta u ċara daqs il-kristall, ilbieraħ filgħodu qalet li meta hi marret fix-xena tar-reat taħt il-Mini ta’ Santa Venera, sabet li l-karozza Vauxhall tal-vittma kienet diġà ttellgħet fuq il-lowloader tal-Pulizija u hi, istantanjament u b’vuċi għolja qalet: “X’għamiltu?”
F’xhieda li hi bdiet tagħti quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja f’Awla 11 tal-Qorti għall-ħabta tal-10.20a.m., is-Supretendent Alexandra Mamo bdiet biex qalet li kien l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Raymond Zammit li ċemplilha u infurmaha li kien hemm inċident serju li fih kienet intlaqtet il-karozza ta’ Manwel Mallia, l-eks Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali li proprju matul il-ġurnata tal-lum ġie mneħħi minn membru fil-Kabinett tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Hi bdiet biex spjegat lill-Qorti li wara li kienet infurmata b’dan il-każ u kienet ordnata biex tmur fil-post tal-inċident, hi saret taf ukoll li kien hemm persuna arrestata u li ttieħdet fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida.
Sadattant bagħtu għaliha d-dar biex tmur fil-post u fl-istess ħin żewġ Surġenti bdew ifittxu l-post preċiż fejn kien seħħ l-inċident. Hi qalet li f’konversazzjoni oħra li kellha mal-eks Aġent Kummissarju Ray Zammit, ftehmu li ssir Inkjesta bil-Maġistrat. Sadattant kienet infurmata wkoll li s-Surġent David Sant kien ħa lis-sewwieq Stephen Smith fl-Għassa ta’ Tas-Sliema.
Fil-frattemp kellmet lis-Surġent Sandro Mangion u għamlitielu ċara biex ħadd ma jmiss xejn mix-xena tad-delitt. Kien stabbilit ukoll li l-karozzi involuti fl-inċident kienu Taħt il-Mina ta’ Santa Venera.
Barra minhekk stabbiliet li l-Ispettur tal-Għassa kien Jason Sultana li dak il-ħin kien Għawdex u għalhekk ċemplitlu biex jiġi ħalli jgħin f’dan il-każ.
Is-Supretendent Alexandra Mamo qalet li s-Surġent Sandro Mangion infurmaha li kellu ordni mingħand l-eks Aġent Kummissarju biex il-karozza involuta fl-isparatura tittella’ fuq il-lowloader u tittieħed fil-bitħa tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK).
Hawnhekk hi ċemplet minnufih lill-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija li min-naħa tiegħu qalilha biex ħadd ma jmiss xejn mix-xena tar-reat.
Għal darba oħra is-Supretendent Alexandra Mamo reġgħet kellmet lis-Surġent Sandro Mangion u enfasizzatlu biex ħadd ma jmiss xejn mix-xena tar-reat għax kienet se ssir Inkjesta bil-Maġistrat.
B’dan kollu kien infurmat ukoll l-Ispettur tal-Għassa Saviour Baldacchino mid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) li ntalab jingħaqad mal-Pulizija fil-post tar-reat. Dan b’ordni tal-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit.
Hi kompliet li meta waslet fil-post intlaqgħet minn Surġent u fil-pront rat il-karozza Vauxhall involuta fl-inċident fuq il-lowloader u mill-ewwel u b’vuċi staqsiet: “X’għamiltu?”
Wara diskursata taħraq dwar dan, għaliex hi ma reditx li tintmiss ix-xena tad-delitt, hi staqsiet x’kien ġara eżattament u wieħed mill-Pulizija qalilha li l-inċident kien jikkonsisti f’hit and run minn vettura misjuqa minn Stephen Smith li waqt li kien qiegħed isuq laqat il-karozza GM14 ta’ Ministru Manwel Mallia waqt li din kienet ipparkjata ħdejn id-dar tax-xufier tal-istess Ministru Manwel Mallia fil-Gżira, fl-inħawi tal-Pixxina Nazzjonali.
Hi kienet infurmata wkoll li mbagħad kien żviluppa argument bejn ix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia – il-Kuntistabbli Paul Sheehan PC533 – u x-xufier tal-karozza l-oħra li jgħidulu l-Iskoċċiż għalkemm hu Malti u jgħix Malti, iżda minħabba li għandu missier Skoċċiż. U f’dan l-argument ix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia spara żewġ tiri fuq il-karozza tal-istess Stephen Smith.
Hawnhekk, kompliet tispjega b’reqqa s-Supretendent Alexandra Mamo, hi talbet lix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia biex flimkien mal-Pulizija jmorru fil-post fejn saru l-isparaturi biex hekk ikollhom stampa aħjar ta’ dak kollu li kien ġara tassew.
Sadattant hi kienet infurmata li fil-post tal-inċident kienet se tasal ukoll il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras li kienet se taħtar numru ta’ esperti biex jgħinuha fl-Inkjesta Maġisterjali.
Hi kienet infurmata wkoll mill-Assistent Kummissarju Sandro Zarb u mill-Ispettur Saviour Baldacchino li mill-istħarriġ li kienu għamlu l-karozza tal-eks Ministru Manwel Mallia, minħabba l-ħabta, kellha fuq il-lemin tagħha selħa, filwaqt li l-mera tal-istess naħa kienet miksura.
Min-naħa l-oħra l-karozza ta’ Stephen Smith kellu selħa fin-naħa tax-xellug tagħha u anki l-mera tagħha miksura.
Hi kompliet li minn aktar stħarriġ irriżulta li l-karozza Vauxhall kienet milquta minn żewġ balal – waħda fil-bumper fuq wara u l-oħra fil-windscreen ta’ wara.
Is-Supretendent kompliet li sadattant stabbiliet ukoll li l-arma wżata fl-isparatura kienet qed tinżamm fil-bagoll tal-karozza Mercedes. Minħabba f’hekk poġġiet lill-Kuntistabbli Clyde Agius għassa mal-karozza biex din l-arma ma tintmissx.
Hi qalet li marret fil-post fejn l-ewwel kien sar l-impatt mal-karozza GM14 tal-eks Ministru Manwel Mallia u wara rat ukoll fejn kienu sparati ż-żewġ tiri ta’ arma tan-nar.
Dan hi għamlitu filwaqt li kienet akkumpanjata minn xi Pulizija u hemmhekk reġgħet staqsiet x’kien ġara u x-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia qalilhom (lill-Pulizija) li waqt li kien għand ommu sema’ ħoss qawwi u ħareġ immedjatament barra biex jara x’kien ġara u sab li xi ħadd kien laqatlu l-karozza Mercedes u pprova jibqa’ sejjer.
Hi kompliet li l-Ispettur Baldacchino qalilha li Paul Sheehan ma kienx jaf preċiżament fejn kien spara, jekk hux fi Triq Wied il-Kappara jew inkella fi Triq San Ġorġ.
Hi spjegat li waqt li kienu hemmhekk huma għamlu tfittxija estensiva biex isibu l-iskrataċċ vojta sparati minn Paul Sheehan permezz tal-arma tat-tip Glock li tispara balal tat-tip 9mm. Minkejja tiftix estensiv il-Pulizija ma kellhom l-ebda eżitu pożittiv u ż-żewġt iskrataċċ baqgħu ma nstabux.
Hi staqsiet ukoll kemm kellu balal fuqu, u Paul Sheehan qal li hu kellu sbatax-il balla, iżda minħabba li kienu sparati tnejn, spiċċa b’bilanċ ta’ ħmistax-il balla.
Sadattant kienet infurmata wkoll li l-Maġistrat kienet ħatret ukoll lil Valerie Schembri, Mario Scerri u lil Mario Buttigieg bħala esperti tal-Qorti.
Is-Supretendent Alexandra Mamo, fix-xhieda estensiva tagħha, kompliet li f’mument minnhom Stephen Smith ittieħed fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan biex isiru tlest tan-nifs minħabba li deher li kien taħt l-influwenza tax-xorb. Hu kien infurmat dwar dak li kien se jsirlu kif ukoll id-dritt li jirrifjuta li jagħmel dan it-test bil-konsegwenzi kollha. Minkejja kollox hu rrifjuta li jagħmel dan it-test tan-nifs.
Ftit tal-ħin wara l-Maġistrat tal-Għassa talbet li Stephen Smith jintbagħat fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida biex jgħin fl-Inkjesta bil-Maġistrat.
Hawnhekk ukoll hu kien mistoqsi biex jagħti t-test tan-nifs tiegħu u dan wara li għal darba oħra kien mgħarraf bid-drittijiet kollha tiegħu. Din id-darba hu aċċetta li jagħmel dan it-test u r-riżultat tiegħu kien ta’ 109mmg. Dan it-test sarlu fis-01.55a.m.
Stephen Smith, waqt li kien fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida intalab ukoll jagħti stqarrija lill-Pulizija. Hu talab għal assistenza ta’ Avukat u talab li jassistih Manwel Mallia. Il-Pulizija spjegawlu li dan ma kienx possibbli għax Manwel Mallia (sa dakinhar) kien jokkupa l-kariga ta’ Ministru. Minħabba li kien taħt l-influwenza tax-xorb hu ma setax jifhem dak li kienu qed jgħidulu l-Pulizija.
Sadattant fl-Għassa ttieħed ukoll ix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, il-Kuntistabbli Paul Sheehan li talab għal assistenza legali u għal dan l-iskop sar kuntatt mal-Avukat Arther Azzopardi li mar fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida biex jassistih.
Waqt li kien hemmhekk itteħdulu wkoll swabs tal-gun shot residue biex jgħinu fl-investigazzjonijiet.
Min-naħa tagħhom il-Pulizija komplew bl-invetigazzjonijiet u tkellmu ma’ numru ta’ persuni oħra. F’ħin minnhom il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras talbet ukoll li tkellem lill-Pulizija tal-Control Room li miegħu kien tkellem Paul Sheehan meta kien ċempel lill-Control Room tal-Pulizija.
Għal dan l-iskop fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida nġieb PC1223 Eman Grima li spjega fid-dettall it-telefonata li kien irċieva mingħand ix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia.
Sadattant il-Pulizija kompliet bl-investigazzjonijiet tagħha u fl-20 ta’ Novembru – allura fil-jum tal-Ħamis – reġgħet kellmet lil Stephen Smith li iżda ma riedx li jkun assistit minn Avukat. Hu ta stqarrija dettaljata li fiha ta’ rendikont ta’ dak kollu li kien għadda minnu fil-jum ta’ qabel.
Fl-istqarrija lill-Pulizija – kompliet tfisser is-Supretendent Alexandra Mamo – Stephen Smith spjega kif waranofsinhar tal-jum ta’ qabel kien mar jixrob fil-ħanut Black Gold. Wara għall-ħabta tat-8.30 p.m. ħareġ biex imur lejn id-dar iżda fi triqtu kellu jieqaf f’xi confectionary ħalli jixtri xi fliexken tal-ilma għad-dar.
Hu qal li fost l-oħrajn għadda minn Vjal Kottoner, Triq Nazju Ellul u wara kiser għal Triq Wied il-Kappara fejn ma kkalkulax sew u bil-karozza tiegħu laqat vettura ipparkjata ta’ lewn skur.
Hu żied jgħid lill-Pulizija li minħabba l-ħsejjes li sema’ minħabba l-impatt, niżel mill-karozza biex jara x’kien ġara u anki biex jissetilja l-affari, iżda fil-pront qam storbju sħiħ u ħafna għajjat għax raġel ieħor ħareġ barra u f’idu l-leminija kellu wkoll pistola, filwaqt li f’idu x-xellugija kellu wkoll mobile.
Stephen Smith lill-Pulizija fl-istqarrija tiegħu kien qalilhom ukoll li minħabba li beża’ minnu rikeb l-karozza u ħarab, iżda hekk kif dar għal Triq Edgar Bernard, ir-raġel l-oħra sparalu għal darba, darbtejn fuq il-karozza tiegħu u wara kompla jiġri warajh bil-karozza sakemm waqaf Taħt il-Mina ta’ Santa Venera fejn hu ħa r-ruħ għax hemm hekk sema’ s-sireni tal-karozzi tal-Pulizija javviċinawh.
Is-Supretendet Alexandra Mamo qalet li l-istqarrija oħra ngħata lill-Pulizija mill-Kuntistabbli Paul Sheehan. Din kien fiha ħames faċċati u din itteħditlu minnha, mill-Ispettur Jesmond Micallef u mis-Surġent Maġġur Raymond Vella. Din l-istqarrija kienet iffirmata wkoll mill-istess Kuntistabbli Paul Sheehan.
Fiha hu qal li lejliet hu kien xogħol bejn is-7 a.m. u t-8 p.m. Għall-ħabta tad-8.45 p.m. hu kien għand ommu fi 13, Vjal il-Kottoner fil-Gżira. F’ħin minnhom sema’ ħoss kbir u ħareġ jiġri barra biex jara x’kien ġara.
Fil-fatt hemmhekk ra lil Daniel Grech, għarus hemmhekk, li qallu li xi ħadd kien jew laqat il-karozza tiegħu jew inkella l-karozza tax-xufier Sheehan.
Hu kompla fl-istqarrija tiegħu li minnufih ġab iċ-ċavetta tal-karozza flimkien mal-arma u mar jiġri jsuq wara l-karozza li kienet laqtitu. Qal li Stephen Smith kien issikkah u mbagħad ħareġ għalih bi flixkun tal-birra.
Ix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia kompla li hu ħareġ mill-karozza u beda jgħid: “Pulizija, Pulizija”, filwaqt li ppontalu l-arma.
Hu qal li hu kien spara wkoll tiri lejn it-tyres tal-karozza u li mbagħad ċempel il-linja 112 tal-Control Room tal-Pulizija.
Hu kompla li mbagħad is-sewwieq l-ieħor, waqt li hu kien qiegħed jitkellem mal-Control Room, irnexxielu jerġa’ jidħol fil-karozza u jaħrab u għalhekk talab l-għajnuna tar-Rapid Intervention Unit (RIU).
Hu qal li Stephen Smith kien ta’ periklu għalih u għal persuni oħrajn.
Il-Kuntistabbli Sheehan spjega li hu baqa’ jsegwih bil-karozza sa Taħt il-Mina sakemm waqqfu u talbu joħroġ u bl-għajnuna ta’ xi nies oħra żammewh sakemm waslu l-Pulizija fil-post.
F’dik l-istqarrija hu qal lill-Pulizija wkoll li kien iġorr arma tat-tip Glock u li kellu sbatax-il balla.
Is-Supretendent Mamo kompliet li huma baqgħu għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom u fis-26 ta’ Novembru l-Ispetturi Saviour Baldacchino u Jesmond Micallef reġgħu bagħtu għal Paul Sheehen għal aktar investigazzjonijiet fejn itteħditlu wkoll stqarrija oħra.
Dakinhar fl-4.30 p.m. hu tressaq il-Qorti u kien akkużat b’disa’ kapi ta’ akkuża, fosthom ta’attenta ta’ omiċidju volontarju. Sussegwentement hu ma ngħatax il-libertà proviżorja u fi tmiem is-seduta Paul Sheehan ħass uġigħ f’sidru u kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard f’dik il-lejla stess hu ttieħed fil-Lock Up tal-Pulizija biex l-għada filgħodu ttieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fi ftit ix-xhieda tagħha hi kienet mistoqsija mill-Avukat Joseph Giglio, li qiegħed jidher għal Stephen Smith, x’kien in-number plate tal-karozza ta’ Paul Sheehan. Is-Supretendent Alexandra Mamo wieġbet li din hi karozza Mercedes AQZ 853 u għandha wkoll il-pjanċa GM14. Din hi karozza mikrija mingħand Burmurrad Commercials.
Hi qalet li Taħt il-Mina fejn iż-żewġ karozzi waqfu, din il-karozza kellha fuqha l-pjanċi AQZ 853. “Jekk mhux sejra żball il-pjanċi GM14 ma kenux fuq il-karozza!”
Mistoqsija fejn kienu sparati t-tiri, hi qalet li dawn saru fi Triq Wied il-Kappara ma’ Triq Edgar Bernard fil-viċinanzi tal-Pixxina fil-Gżira.
Mistoqsija mill-Ispettur Saviour Baldacchino dwar Stephen Smith, hi qalet li dan reġa’ pprova jaħrab mill-post għax qal li kien beża’ mill-arma li kellu f’idejh ir-raġel l-ieħor li wara rriżulta li kien ix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia.
Hi qalet li l-Qorti għandha esebiti għandha wkoll ir-rekordings tat-telefonata tal-Kuntistabbli Paul Sheehan lill-Control Room fejn jinstema’ jitlob għall-assistenza, iżda jinstemgħu b’mod ċar ukoll iż-żewġ tiri ta’ arma tan-nar.
Il-Kontro-Eżami mid-Difiża, immexxija mill-Avukat Edward Gatt, hu riservat.
//= $special ?>