Fl-aħħar, il-Prim Ministru Joseph Muscat għamel dak li kellu jagħmel tliet ġimgħat ilu. Wara li għadda lill-pajjiż minn agunija ta’ tliet ġimgħat, li matulhom wera li ma kienx kapaċi jagħmel ġudizzju politiku tajjeb kif kien mistenni minnu bħala Prim Ministru, Joseph Muscat kaxkar saqajh sakemm ma kien baqgħalu l-ebda għażla ħlief li jagħmel dak li kellu jagħmel sa mill-bidu nett, jiġifieri li jneħħi lil Manwel Mallia minn Ministru.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista fakkar li kien bis-saħħa tal-Oppożizzjoni, kif ukoll il-media tal-PN u l-indipendenti li llum tkeċċa Manwel Mallia. Il-Prim Ministru kien kostrett jagħmel dan wara diversi sejħiet mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, mill-media indipendenti, kif ukoll minn diversi stħarriġ tal-opinjoni pubblika.
Il-PN fakkar kif li kien għal Joseph Muscat, Manwel Mallia baqa’ Ministru jmexxi l-Korp tal-Pulizija minkejja l-każ tal-isparaturi mix-xufier tiegħu. Muscat baqa’ jiddefendi lil Mallia għal tliet ġimgħat sħaħ sakemm is-sitwazzjoni ħarbet minn idejh u kellu jagħmel dak li kien ovvju mill-bidu nett.
Anke l-inkjesta ħalliet bosta dubji dwar jekk ħarġitx il-verità kollha għax, fost l-oħrajn, ma nstabet l-ebda responsabbiltà mill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru Kurt Farrugia, ma ġewx interrogati l-Prim Ministru u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, kif ukoll ma ġewx ippubblikati d-dokumenti annessi mar-rapport tal-inkjesta. Lanqas ma ħarġet il-verità kollha dwar it-telefonati li saru mal-Prim Ministru stess dakinhar tal-isparatura.
Il-PN qal li hu sodisfatt li grazzi għall-ħidma u d-determinazzjoni tal-Oppożizzjoni, sa fl-aħħar sar dak li kellu jsir. Issa qed iħalli f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi biex jagħmel il-ġudizzju tiegħu dwar jekk Muscat hux tassew kapaċi jerfa’ r-responsabbiltà tal-kariga ta’ Prim Ministru. Il-kredibilita’ tal-Prim Ministru qalgħet tisbita kbira u għalhekk in-nies qed jiddubitaw mill-kelma tiegħu, temm jgħid il-PN.
//= $special ?>

