Id-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li jħalli f’idejn Manwel Mallia jilqax is-suġġeriment tiegħu jirriżenjax jew le hi deċiżjoni ridikola ta’ Prim Ministru dgħajjef li jibża’ jieħu azzjoni kontra Mallia u l-clan tiegħu. Mallia sar mazzra m’għonq il-Gvern ta’ Muscat u theddida għat-trasparenza u l-kontabbiltà.
Dan qalu ċ-Chairman tal-AD Arnold Cassola f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Berġa ta’ Kastilja, li fiha sostna kif wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ inkjesta, ħadd ma refa’ responsabbiltà politika minkejja li Manwel Mallia gideb b’mod ċar fil-konferenza tal-aħbarijiet li nżammet l-għada tal-isparatura fil-Gżira.
L-AD qed issostni li t-tneħħija ta’ Manwel Mallia llum waranofsinhar minflok tliet ġimgħat ilu kienet biss riżultat ta’ opinjoni pubblika qawwija li ġeghlet lil Prim Ministru dgħajjef jirreaġixxi minflok ma jkun pro-attiv. Cassola qal li minkejja li l-Prim Ministru ammetta li kien hemm cover-up f’dan il-każ, il-ħtija ntefgħet biss fuq l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Chairman tal-AD Carmel Caccopardo qal li l-aktar li saret ħsara f’dan il-każ kollu kienet lill-Korp tal-Pulizija, li fil-parti l-kbira tiegħu hu magħmul minn persuni ddedikati u ta’ servizz. Qal li r-rapport ta’ inkjesta jikkritika s-sistema politika Maltija meta tissemma’ l-ħtieġa ta’ responsabbiltà politika, iżda l-politiċi Maltin jinsew dak li jkunu qalu mis-siġġijiet tal-Oppożizzjoni għal meta jkunu fil-Gvern.
//= $special ?>