Lokali Qorti

Il-kontinwazzjoni tal-kumpilazzjoni ddifferita għal nhar il-Ġimgħa

“Il-kumpilazzjoni għall-Ġimgħa li ġej fl-10 a.m.” -Il-Maġistrat Aaron Bugeja

Fi tmiem seduta twila aktar minn tlett sigħat, il-Maġistrat Aaron Bugeja iddifferixxa l-kontinwazzjoni tal-kumpilazzjoni għal nhar il-Ġimgħa li ġej fl-10 a.m. sal-11 a.m. biss għax wara għandu delegazzjoni minn barra.

Dwar talba għall-ħelsien tal-imputat, anki taħt numru ta’ kundizzjonijiet, il-Maġistrat qal li dwar dan għad irid jiddeċiedi.

F’digriet hu qal li l-Qorti kienet rat kif kienet ġiet trattata t-talba tar-Rikors għall-ħelsien mill-arrest; rat ukoll ir-risposta mill-Avukat Ġenerali u semgħet ukoll lill-Prosekuzzjoni tiddikjara li f’dan l-istadju il-biża’ tal-intraċċ hi ormaj sorpassata minħabba li xehdu fis-seduta tal-bieraħ ix-xhieda u kien fadal biss jixhdu membri tal-Korp u esperti li ħafna minnhom diġà xehdu fl-atti tal-Inkjesta bil-Maġistrat.

Hu żied li f’dan l-istadju l-Prosekuzzjoni m’għandhiex oġġezzjoni għall-għoti tal-ħelsien mill-arrest preventiv għax m’hemmx il-biża’ li jintmessu xi xhieda jew li jkun hemmintraċċ tax-xhieda.

Hu qal li din it-talba għall-ħelsien mill-arrest għad irid jieħu deċiżjoni dwarha.

Meta kien qiegħed jitlob għall-ħelsien mill-arrest ta’ Paul Sheehan, l-Avukat Difensur Edward Gatt qal li aktar ‘il quddiem jgħid għaliex l-imputat inżamm arrestat. Qal li l-Qorti żammet lil Paul Sheehan il-Ħabs biex ma jkunx hemm leakages, iżda dan kollu falla għax kulħadd jaf x’ġara fil-mezzi tax-xandir.

Żied jgħid li l-leakages zgur li mhux responsabbli għalihom Paul Sheehan. Qal ukoll li xhieda pajżana xehdu u Paul Sheehan m’għandux jibqa’ arrestat.

Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għall-ħelsien mill-arrest.