Lokali

Il-Ministru Mallia rreżista t-talba għar-riżenja – Il-Prim Ministru kostrett ibiddel il-pjanijiet

Il-Prim Ministru Joseph Muscat talab lill-Ministru Manuel Mallia biex jirriżenja mill-kariga tiegħu, madanakollu hu baqa’ jirreżisti. Filfatt maltarightnow.com jinsab infurmat li l-press briefing, li saret tard it-Tnejn filgħaxija, damet ma bdiet wara li l-Ministru Manuel Mallia m’aċċettax li jirriżenja.

Minn tagħrif li għandna, qabel il-press briefing,  il-Prim Ministru tkellem mal-Ministru Mallia li minn naha tiegħu rrifjuta li jirriżenja. Il-Prim Ministru beda jittama li minn ħin għall-ieħor il-Ministru Mallia jċedi u jirriżenja.

Għaldaqstant il-ġurnalisti tħallew jistennew għal aktar minn sagħtejn f’Kastilja, filwaqt li s-Sala tal-Ambaxxaturi kienet qed tintrama u nxtegħlet bil-lest biex, jekk il-Ministru Mallia jerġa’ jibdielu, il-Prim Ministru jħabbar re-shuffle waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Minn informazzjoni li għandna jirriżulta li matul il-ġurnata numru ta’ Ministri ssejħu Kastilja mill-Prim Ministru u marru bil-karozzi privati biex ma jagħtux fil-għajn. Dan juri li l-Prim Ministru kien qed iħejji mini reshuffle fil-Kabinett tiegħu malli jitlaq il-Ministru Mallia.

Wara dan, il-Prim Ministru ddeċieda li joħroġ jindirizza l-ġurnalisti, mingħajr ċans li jistaqsu l-mistoqsijiet, u ħabbar li hu talab lil Mallia biex jirriżenja. B’hekk hu tefa’ l-ballun f’sieq il-Ministru Mallia u farfar milli jieħu d-deċiżjoni hu stess, kif għandu l-poter li jagħmel Prim Ministru ta’ pajjiż.

Filfatt uffiċjali għolja f’Kastilja ma setgħux jgħidu lill-ġurnalisti x’kien se jiġri t-Tnejn filgħaxija u fi x’ħin. Anke l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia, li deher maħsud kif ra l-ġurnalisti, qalilhom li ma kienx ħareġ sejħa u li l-ftehim kien li jċemplihom malli jkun hemm konferma li se ssir il-konferenza stampa. Qalilhom li kien se jdaħħalhom jistennew f’Kastilja “minħabba il-kesħa ta’ barra”.

Fl-isfond ta’ dan ħafna qed jikkummentaw li l-Prim Ministru huwa dgħajjef ma’ min hu b’saħħtu.