Lokali

Il-poplu qed jistagħġeb bil-kontabbiltà – Joseph Muscat

Għall-Prim Ministru Joseph Muscat, dan hu mod ġdid kif il-Gvern jitratta l-każi li jseħħu u li qed iwassal biex skont hu l-poplu jistgħaġeb bil-kontabbiltà. Dan hu perjodu ġdid fl-istorja politika tal-pajjiż. F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, flimkien mal-Ministru l-ġdid Carmelo Abela u l-Kummissarju tal-Pulizija ġdid Michael Cassar, il-Prim Ministru qal li l-każ tal-isparatura tax-xufier tal-eks Ministru Mallia juri d-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista.

Ir-reazzjoni tal-PN għall-aħħar kummenti tal-Prim Ministru kienu li fl-aħħar, Muscat wettaq dak li qlalu biex jagħmel il-Kap tal-Oppożizjzoni Simon Busuttil tliet ġimgħat ilu. Mistoqsi għaliex ma jippubblikax id-dettalji tat-telefonati li sarulu bejn l-isparatura u l-ħruġ tal-istqarrija, il-Prim Ministru ftakar li kien ċemplulu Gavin Gulia, Kurt Farrugia, Keith Schembri u Manwel Mallia. Hu ċaħad li f’dak il-mument kien jaf li x-xufier tal-Ministru Mallia kien spara fuq ix-xufier l-ieħor.

Dwar dan il-fatt, il-PN sostna li l-inkjesta ħalliet diversi dubju għaliex ma nstabet l-ebda responsabbiltà fil-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru stess, Kurt Farrugia, u għaliex ma kienux interrogati l-persuni kollha nvoluti, fosthom il-Prim Ministru stess u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri. Dwar Manwel Mallia, il-Prim Ministru qal li hu tkellem miegħu anke lbieraħ, bl-eks Ministru Mallia għadu mweġġa’ dwar il-każ. Muscat sostna li hu ma kienx ħalla għażla quddiem l-eks Ministru Mallia għax il-pożizzjoni tiegħu kienet li Mallia jrid jagħżel: jirriżenja jew jitkeċċa.

Il-Prim Ministru qal li hu għad għandu relazzjonijiet tajbin mal-eks Ministru Mallia, filwaqt li jispera li Mallia jkompli jikkontribwixxi fil-Parlament.

Fl-istqarrija, il-PN sostna li dan il-każ wassal biex il-kredibbiltà tal-Prim Ministru qalgħet tisbita kbira ‘l isfel u għalhekk il-poplu qed jiddubita mill-kelma tiegħu bħala Prim Ministru. Muscat sostna li l-Gvern se jikkomunika mal-Oppożizzjoni biex minflok il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Manwel Mallia bħala Ministru, isir dibattitu parlamentari li jiddiskuti l-kwistjoni kollha tal-każ.