Lokali

Aġġornata: Il-Prim Ministru jindirizza konferenza tal-aħbarijiet

3.45pm: Minkejja li l-istqarrija qarrieqa dwar l-isparatura mix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia ħarġet mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, skont Joseph Muscat hu ma jħosx li kellu jerfa’ responsabbiltà politika. Fl-istess waqt, qal li f’dan l-istadju ma jeskludix li Manwel Mallia jimla xi kariga oħra wara li dan ħallas il-prezz politiku.

Dan sostnieh waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaddejja f’dawn il-ħinijiet fil-Berġa ta’ Kastilja. Hu qal li l-ewwel kien infurmat minn Gavin Gulia, li qallu li “inqala’ xi ħaġa”. Hu kkonferma li kellu telefonata mhux biss mal-Kap tal-Komunikazzjoni tiegħu Kurt Farrugia, kif ukoll maċ-Chief of Staff Keith Schembri (tal-Kasco). Qal li kellem ukoll lil Manwel Mallia u anke lill-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit.

Filwaqt li sostna li minkejja dan kollu, iħoss li ma kellux jerfa’ responsabbiltà politika, Joseph Muscat sostna li ħass biss li kellu jordna l-inkjesta li saret mit-tliet eks Imħallfin. Hu qal li minkejja dawn l-iżviluppi, ir-relazzjoni tiegħu ma’ Manwel Mallia għadha tajba, tant li talbu jirriżenja minflok keċċieh bħala “kortesija”. Qal li jinsab konvint li Mallia se jkompli jagħti l-kontribut tiegħu fil-Parlament.

Filwaqt li qal li f’dan l-istadju ma jeskludix li Manwel Mallia jimla’ xi kariga oħra wara li Mallia ħallas il-prezz politiku, irrimarka li l-inkjesta ma sabet xejn ħażin fil-konfront taċ-Chief of Staff ta’ Manwel Mallia, Silvio Scerri. Dwar il-ħatra ta’ Whip ġdid tal-Grupp Parlamentari Laburista, Joseph Muscat qal li din il-kariga mistennija timtela’ wara li jgħaddu l-vaganzi tal-Milied.

Aktar kmieni …
Ftit wara t-3.20pm il-Prim Ministru Joseph Muscat beda jindirizza konferenza tal-aħbarijiet wara li fis-2pm ħatar lil Carmelo Abela bħala Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, li qed issir fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru għandu miegħu lill-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija Michael Cassar u lill-Ministru Carmelo Abela.

Oriġinarjament, din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet skedata għat-3pm.

Aktar dettalji kif jaslulna …