Internazzjonali Kurżitajiet

Imut l-attur li interpreta l-karattru ta’ Pugsley f’The Addams Family

Ken Weathermax, li interpreta l-karattru ta’ Pugsley fis-serje oriġinali ta’ The Addams Family, miet fl-eta’ ta’ 59 sena. L-attur sofra minn attakk tal-qalb u nstab mejjet f’daru f’Kalifornja lbieraħ.

Pugsley kien it-tifel il-kbir ta’ Gomez u Morticia Addams fis-serje televiżiva li xxandret fis-snin Sittin. Is-serje ikkonsistiet f’familja ta’ nies strambi u makabri li kienu jemmnu li kienu nies normali. Is-serje kienet popolari partikularment fil-ftuħ ta’ kull programm bit-tfaqqigħ tas-subgħajn.

Il-‘familja stramba’ kienet għall-ewwel maħluqa mill-cartoonist, Charles Addams fir-rivista New Yorker. Il-karattru mbagħad ġie żviluppat f’serje addattata għat-televiżjoni mill-1964 sal-1966 u b’kollox kienu xxandru 64 episodju.

Ken Weathermax, li wkoll kien ta l-vuċi tiegħu għall-karattru ta’ Pugsley f’verżjoni animata tas-serje fis-snin Sebgħin, kien ħadem il-parti ta’ Pugsley meta kiber, fi programm speċjali għat-televiżjoni bl-isem ta’ Halloween With the New Addams Family fl-1977.