Sport

It-Tour jibda min-Normandija

Il-bidu tat-Tour de France tal-2016 se jsir min-Normandija, biċ-ċiklisti jitilqu minn Mont St Michel fil-‘Grand Depart’ u bit-tielet tappa tat-tellieqa titlaq minn Granville, fi Franza.

Din hi l-ewwel darba mill-2011 li t-Tour de France – l-aktar tellieqa tar-roti prestiġjuża għal ċiklisti professjonali — se titlaq mill-Punent ta’ Franza. Fl-2011, iċ-ċiklisti li pparteċipaw f’dik l-edizzjoni kienu telqu mir-reġjun ta’ Vendee.

L-ewwel tappa tat-Tour de France tal-2016 tinvolvi distanza ta’ 188 kilometru minn Mont St Michel sal-Bajja ta’ Utah, bit-tieni tappa twassal liċ-ċiklisti minn St Lo sa Cherbourg. It-tielet tappa ssir minn Granville u tikkonkludi f’destinazzjoni li għad trid titħabbar mill-organizzaturi.

Ir-rotta sħiħa tat-Tour de France tal-2016 tkun magħrufa f’Ottubru.

Intant, it-Tour de France tal-2015 jitlaq minn Utrecht, fl-Olanda u se jkun ir-raba’ ‘Grand Depart’ li se jsir barra Franza għal dawn l-aħħar sitt snin.