169 pazjent fuq strecher bejn Ġunju u Settembru
Dak li għall-gvern preċedenti ma kien isib ebda diffikultà li jippubblika l-Hospitality Activity Report tal-Isptar Mater Dei, dan il-Gvern illum qed jirrifjuta li jippubblika r-rapport.
Id-Deputat Nazzjonalista u kelliem dwar is-Saħħa, Claudio Grech, staqsa diversi drabi fil-Parlament lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport imsemmi, liema rapport qabel kien jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u li ma fih l-ebda kontenut kummerċjali.
Ir-risposta tal-Ministru Konrad Mizzi kienet fil-qasir – li r-rapport mitlub fih kontenut ta’ natura kummerċjali.
Il-Hospitality Activity Report li kien jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, ma kien jinkludi ebda informazzjoni personali iżda rapporti u tabelli dettaljati dwar in-numri ta’ pazjenti li jidħlu fl-Isptar Mater Dei, kif ukoll l-ammonti ta’ dawk li jkunu rilaxxati mill-Isptar anke meta mqabbla man-numru ta’ pazjenti ġodda li jidħlu fl-Isptar.
Ir-rapport jinkludi wkoll l-attivitajiet fil-swali tal-isptar kif ukoll rapport bi grafika wkoll dwar l-attendenzi u l-attività fid-dipartiment tal-out-patient. Parti importanti mir-rapport jittratta dettalji dwar l-attività fid-Dipartiment tal-Emerġenza, li tinkludi wkoll f’liema kundizzjoni jiddaħħlu l-pazjenti f’dan id-dipartiment b’rabta mal-emerġenza tal-każ u min ikun irreferihom fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Informazzjoni oħra dettaljata fir-rapport tagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni tas-sodod fl-Isptar Mater Dei.
Jirriżulta wkoll minn mistoqsija oħra li għamel id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, li l-pazjenti li tħallew jistennew fuq stretcher fis-sala tal-osservazzjoni jew f’xi parti oħra tal-Isptar Mater Dei, bejn Ġunju u Settembru ta’ din is-sena, kien ta’ 169.
Kien biss f’Lulju li għadda li ma kien hemm ebda pazjenti li tħallew fuq strecher. F’Ġunju kien hemm 37 pazjent, f’Awwissu 43 u fix-xahar ta’ Settembru li għadda kien hemm 89 li tħallew fuq strecher.
//= $special ?>