Sport

Jappellaw mill-verdett ta’ Pistorius

Il-Prosekuturi fl-Afrika t’Isfel appellaw kontra l-verdett tal-qorti fil-każ ta’ Oscar Pistorius u s-sentenza ta’ ħames snin priġunerija għall-atleta bħala ‘deċiżjoni li tmur ‘il hinn minn dak meqjus bħala xieraq’.

Dan wara li qorti fi Pretoria, f’Ottubru, iddeċidiet li Pistorius kien ħati dwar il-qtil tat-tfajla tiegħu, Reeva Steenkamp, li fi Frar tal-2013 inqatlet minn tiri ta’ arma waqt li kienet fir-residenza tal-atleta.
Il-verdett sostna li Pistorius kien ħati ta’ traskuraġni f’dan il-każ u li hu ma kellux l-intenzjoni speċifika li jwettaq omiċidju.

Intant, il-liġi fl-Afrika t’Isfel tesiġi biex l-istess imħallef li jgħaddi l-verdett waqt każ partikolari jiddeċiedi dwar il-validita ta’ appell.

Oscar Pistorius, illum, ma kienx preżenti fil-qorti u l-avukati tiegħu qed jopponu għall-appell tal-Prosekuturi.