Internazzjonali

Rapport tas-CIA jiżvela dettalji dwar interrogazzjonijiet brutali

L-aġenzija sigrieta Amerikana – is-CIA – wettqet interrogazzjoijiet “brutali” fuq membri ta’ al-Qaeda wara l-attakki li saru fuq it-Twin Towers fil-11 ta’ Settembru 2001.

Is-sommarju ta’ rapport imħejji mill-Kumitat tas-Senat dwar is-Servizz Sigriet, qal li s-CIA qarrqet lill-poplu Amerikan dwar kemm “l-interrogazzjoni msaħħa” kienet effettiva.

L-interrogazzjoni kienet immexxija ħażina ħafna u kellha ħafna ineżattezzi.

Il-President Amerikan Barack Obama kien qal li, fil-fehma tiegħu, it-tekniki ammontaw għal tortura.

Matul il-Presidenza ta’ George W. Bush, il-ħidma tas-CIA kontra al-Qaeda – magħrufa internament bħala Rendition, Detention and Interrogation – rat madwar mitt terrorist suspettat miżmuma “f’siti suwed” ‘il barra mill-Istati Uniti.

Dawn kienu interrogati bl-użu ta’ metodi bħal torturi fl-ilma, umiljazzjoni, daqqiet fil-wiċċ u nuqqas ta’ irqad.