L-awtoritajiet Maltin ilhom sitt xhur jinvestigaw il-każ taż-żiemel imsawwat, minn Ġunju ta’ din is-sena. Jirriżulta li dan iż-żiemel jintuża għat-tlielaq, bir-raġel li allegatament sawwat liż-żiemel, fuq Facebook jgħid li issa qed jixjieħ u wasal biex ineħħieħ.
Imma minkejja li minn meta bdiet l-investigazzjoni, f’Ġunju li għadda, għaddew sitt xhur, jidher li dawn ix-xhur kollha ma kinux biżżejjed u s’issa għadu ma tressaq ħadd quddiem il-ġustizzja.
Dan il-filmat , li ttieħed f’Mejju, qajjem l-interess tal-organizzazzjoni internazzjonali PETA, li f’ittra li qed niżvelaw b’mod esklussiv, indikaw lill-Pulizija l-identita’ tal-persuna li jidher qed isawwat liż-żiemel.
Il-PETA bagħtet din l-ittra fil-15 ta’ Settembru. Madankollu, minkejja li l-awtoritajiet ilhom jafu min hu r-raġel għall-aħħar xhur, baqgħu ma ħadu l-ebda azzjoni dwaru.
Dan joħroġ mir-risposta tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali, Emanuel Buhagiar, li qalilna li “l-każ beda jiġi nvestigat f’Ġunju u l-pass li jmiss hu li r-raġel jittella’ l-Qorti.” Madankollu ma ngħatajna l-ebda indikazzjoni meta dan se jseħħ.
Staqsejna wkoll lill-Pulizija li rrispondew biss li “l-każ qed jiġi nvestigat mill-Pulizija u d-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali.
Bgħatna wkoll mistoqsijiet lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes u d-Direttur tad-Dipartiment tad-Drittijiet tal-Annimali Joseph John Vella li jidher li ma sabux ħin jirrisponduna fl-aħħar tlett’ijiem.
Minħabba din in-nuqqas ta’ azzjoni, nhar il-Ħadd li ġej, l-14 ta’ Diċembru, mistennija ssir protesta f’Tas-Sliema. Il-protesta mistennija tibda fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar. Iktar dettalji hawn.
//= $special ?>