Lokali Qorti

“Wara li pponta pistola fid-direzzjoni tiegħi ħrabt mill-post għax bżajt għal ħajti” – Stephen Smith

“Wara li lqatt mera ta’ karozza, u bi żbrixx il-bieba tagħha, u waqaft biex nieħu d-dettalji ħalli forsi nirranġa l-affarijiet, ħareġ raġel li beda jgħajjat b’mod aggressiv u vuċi għolja b’pistola f’idu. Din il-persuna, li qed nagħraf bħala l-akkużat fil-Qorti, kellha pistola f’idha. Dan ir-raġel deher eċitat ħafna u verament bżajt għal ħajti u ħrabt minn fuq il-post. Kif dort mal-ewwel kantuniera smajt l-ewwel tir, tir ieħor ġie sparat kif kont qed indur il-kantuniera. Dak il-ħin ma kontx naf li kienet intlaqtet il-karozza tiegħi”.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Stephen Smith, meta quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja bdiet il-kumpilazzjoni tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, Paul Sheehan, li għandu 40 sena u hu mill-Gżira. Sheehan jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Smith tliet ġimgħat ilu. Ix-xhieda kienet sostnuta minn żewġ nisa li kienu għaddejjin mill-post bil-mixi u raw dak kollu li kien seħħ. Waħda min-nisa f’ħin minnhom ħasbet li Smith kien intlaqat peress li l-karozza kienet naqset mill-veloċità tagħha, iżda serrħet moħħha meta rat il-vettura terġa’ taċċellera. Waħda min-nisa għarfet ukoll lil Sheehan bħala l-persuna li kien spara ż-żewġ tiri.

Mara oħra li kienet fit-tieqa qalet ukoll li rat dak kollu li ġara għalkemm ma għarfitx lill-irġiel. Qalet li kienu sparati żewġ tiri minn persuna li kien qed iċempel lil xi ħadd u jgħid lir-raġel l-ieħor li kien ħareġ il-pistola għax ħebb għalih.

Fil-Qorti, Smith qal li dakinhar tal-inċident kien f’ristorant f’Tas-Sliema, minfejn telaq għall-ħabta tat-8.30pm. Qal li kien sejjer id-dar u ried jixtri l-ilma għad-dar minn confectionery fi Triq Nazju Ellul. Qal li ma sabx fejn jipparkja u ddeċieda li jmur għand ħaddieħor, mhux ‘il bogħod mid-dar tiegħu. Qal li kien hawn li laqat il-karozza tal-Ministru Mallia. Tenna li waqaf hemm biex jipprova jirranġa l-affarijiet u ftit wara, ħareġ raġel li kien agressiv u li beda joffendieh.

Smith qal li Sheehan kellu pistola f’idu, beża’ u ddeċieda li jitlaq mill-post. Qal li t-triq fejn seħħ il-każ hi waħda kwieta u residenzjali. Spjega li wara l-isparatura baqa’ jsuq u dar għal Triq Reġjonali qabel ma skopra li kien hemm karozza li qed issuq warajh. Qal li meta dar mar-roundabout ta’ Triq Reġjonali, il-karozza tal-Ministru bdiet tieqaf sakemm waslu fil-post il-Pulizija u bħal donnu ħa r-ruħ.

Stephen Smith kompla jgħid li b’sorpriża l-Pulizija kkonfrontawh u ma jafx x’kien qed jiġri. Tenna li tefgħuh mal-art wiċċu ‘l isfel, tant li lanqas ħallewh jiċċaqlaq jew idawwar rasu. Qal li anke kienu raffi miegħu u bdew jgħidulu wkoll biex ma jitkellimx. Smith qal ukoll li dakinhar kienu ħaduh fi tliet Għases tal-Pulizija (San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Imsida), kif ukoll li kien sarlu wkoll test tan-nifs. Spjega li meta ġiet ippontata l-pistola lejh, kien fejn il-bieba tal-karozza tiegħu. Hu ċaħad li kellu xi ħaġa f’idu.

Sadanittant, xhud ieħor kienet is-Supretendent Alexandra Mamo, li qalet li Sheehan kellu 17-il balla u ħela tnejn minnhom. L-iskrataċ taż-żewġ tiri sparati baqgħu ma nstabux. Qalet li hi kienet infurmata mill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit li xi ħadd kien daħal fil-karozza tal-Ministru Manwel Mallia. Qalet li ordnat lill-Uffiċjali fil-post biex ma jmissu u ma jċaqilqu xejn mix-xena tad-delitt. Wara, hi kienet infurmata li l-karozza ta’ Smith kienet se tittieħed fuq ordni tal-Kummissarju, iżda hi baqgħet tinsisti li dan ma jsirx minħabba l-inkjesta. Madnkollu, meta waslet fil-post, il-vettura ta’ Smith kienet diġà tgħabbiet fuq il-low-loader.

Dwar l-arma, l-Ispettur Mamo qalet li din kienet fil-bagoll tal-karozza tal-Ministru, filwaqt li dwar it-test tan-nifs fuq Smith, qalet li dan kien ta’ 109mmg jiġifieri pożittiv għall-influwenza tax-xorb. Qalet ukoll li l-għada tal-każ, kien ġie investigat Smith, li għall-ewwel ma riedx li jkun akkumpanjat minn Avukat, iżda wara kien talab għal Manwel Mallia. Il-Pulizija qalulu li ma setax għax dan illum hu Ministru.

Is-Supretendent Mamo qalet li kien ġie mitkellem ukoll l-akkużat, li talab għall-Avukat Arthur Azzopardi biex jiddefendieh. Qal li dakinhar kien xogħol bejn is-7am u t-8pm u li filgħaxija kien għand ommu. Lill-Pulizija qalilhom li għall-ħabta tad-8.45pm sema’ ħoss u meta ħareġ sab lil ċertu Daniel Grech li qallu li kien hemm min daħal fil-karozza tiegħu jew tal-Ministru. Sheehan daħal ġewwa u ħa l-arma, ippontaha lejn Smith, li ħarab mill-post bl-akkużat imur warajh.

Paul Sheehan qal lill-Pulizija li spara lejn it-tyres qabel ċempel “112” għall-assitenza tar-RIU. Deher li kien ippanikkjat, tant li kien se jibqa’ jagħti t-tiri. Skont l-akkużat, Smith kien ta’ periklu għalih innifsu u għal persuni oħrajn.

Xehdet ukoll Lidgia Farrugia Sammut, li toqgħod il-Gżira u li qalet li kienet qed timxi bil-kelb ma’ ommha x’ħin rat l-inċident bejn iż-żewġ vetturi. Qalet li x’hin rat l-arma, ħarġet il-mobile u bdiet tiġbed filmat. Qalet li rat il-karozza bil-pjanċi “GM14” u li l-persuna l-oħra ma ratilha xejn f’idha. Imbagħad, Farrugia Sammut pinġiet bħala evidenza fuq karta x-xena li rat dakinhar u kif kienu l-karozzi u ż-żewġt irgiel. Qalet li rat lil Sheehan f’nofs ta’ triq jitkellem jgħajjat fuq il-mobile u bl-arma tan-nar f’idu, kif ukoll li wara dan il-ħin rat lir-raġel l-ieħor jitlaq mill-post. F’dan il-ħin, Farrugia Sammut qalet li rat lil Sheehan jiċċaqlaq u jispara żewġ tiri wara xulxin. Iddeskriviet li Sheehan ippunta l-arma dritta lejn il-karozza.

Xehdet ukoll mara tad-dar, li qalet li kienet id-dar fit-triq ħdejn fejn seħħ l-inċident. Qalet li semgħet xi għajjat u ħarġet tiġri fit-tieqa biex tara x’ġara. Qalet li rat żewġt irgiel jargumentaw. Semgħet lil Smith jgħid bil-Malti “għala bl-arma?” u Sheehan iwieġeb “għax int ħebbejt għalija”.

L-Ispettur Saviour Baldacchino qal li fil-post ma nstabux il-cartridges li ntużaw fl-isparatura. Qal li meta l-Pulizija arrestat lil Sheehan, l-akkużat ma weġibx għal ħafna mill-mistoqsijiet, filwaqt li ma ffirmax l-istqarrija. L-Ispettur Baldacchino qal li l-Pulizija identifikat ukoll lis-sewwieq tat-tielet karozza, li hu Daniel Grech u li nduna bil-ħabta qabel mar jgħin lil Sheehan.

Paul Sheehan qed jiġi mixli wkoll li uża’ arma f’post pubbliku u għamel ħsarat fil-karozza ta’ Smith, abbuża mill-poter u li kien ħati ta’ reat li bħala membru fil-Korp kellu jara li ma jseħħx. Hu kien ġie arrestat ġimgħa wara li seħħet l-isparatura tad-19 ta’ Novembru.