F’erba’ xhur bejn Ġunju u Settembru li għadda, kien hemm 1,150 każ ta’ ilment għand il-customer care tal-Isptar Mater Dei.
Meta wieġeb mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa, il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi qal li f’Ġunju daħlu 290 każ għand il-customer care section; f’Lulju 374 każ; f’Awwissu 328 każ; u f’Settembru 158 każ.
Il-Ministru Mizzi qal ukoll li ttieħdet azzjoni fir-rigward ta’ kull każ u għad hemm biss erba’ każijiet pendenti.
Il-Ministru Konrad Mizzi ma weġibx mistoqsija mill-istess Deputat Nazzjonalista, dwar kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jistennew intervent u/jew operazzjoni fl-Isptar Mater Dei jew f’xi sptar ieħor. Il-Ministru kien mitlub ukoll jagħti n-numru ta’ pazjenti skont kull kategorija ta’ intervent mediku u jgħid kemm ilhom jistennew.
Għal dawn il-mistoqsijiet, il-Ministru Konrad Mizzi wieġeb li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
//= $special ?>