Lokali

Ara l-ittra ta’ Manuel Mallia : “Fl-inkjesta ma xehdux żewġ persuni mportanti li setgħu ħarġu l-verita’ kollha”

Żewġ persuni importanti li skont il-Ministru Mallia kienu jafu l-verita’ u iktar fatti dwar il-każ tax-xufier tiegħu u r-raġel li spiċċa fil-miri ta’ tiri ta’ arma tan-nar, baqgħu ma xehdux fl-inkjesta tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Dan joħroġ minn ittra li l-eks Ministru Manwel Mallia ppreżenta fil-Parlament, fejn qal li dawn iż-żewġ persuni “ma xehdux jew ma ntalbux jixhdu dan il-fatt importanti quddiem l-inkjesta.” Ix-xhieda tagħhom setgħet tgħin biex toħroġ il-verita’ kollha minn din l-inkjesta.
Mallia saħaq li hu ma rax l-istqarrija qabel ġiet ippublikata u ma kellu xejn x’jaqsam ma’ dak li kien miktub fiha. Qal li meta ċemplitlu Ramona Attard biex tinfurmah li t-tiri laqtu l-karozza tar-raġel l-iehor, hi kienet mal-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Kurt Farrugia.
Kompla li din ma kinitx l-ewwel darba li hu ma qarax stqarrija li tkun inħarġet mill-Ministeru tiegħu stess. “Dan kien jiġri meta l-fatti fi stqarrija jkunu determinati minn ħaddieħor,” sostna l-Ministru Mallia.
Fl-ittra tiegħu, Manwel Mallia tkellem ukoll dwar is-sewwieq tiegħu Paul Sheehan u qal li dan kien issuġġerit lilu u aċċettah wara li kien assigurat li security screened. Qal ukoll li hu ma rriżenjax għaliex l-inkjesta sabitu li ma kienx parteċipi f’cover up.
Manwel Mallia temm l-ittra tiegħu billi kkommetta ruħu lill-Partit Laburista u qal li se jibqa’ jservi lill-elettorat fil-Parlament.