Lokali Saħħa

Direttivi għall-professjonisti tas-Saħħa wara li l-Gvern baqa’ ma impjegax 90 student li ggradwaw

Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) ħarġet numru ta’ direttivi għall-professjonisti fil-qasam tas-Saħħa wara li l-Gvern baqa’ ma impjegax 90 student li ggradwaw f’dixxiplini varji. Id-direttivi, maħruġa lill-Occupational Therapists, Fiżjoterapisti, Podjatristi, Dental Hygienists u Dental Technologists, Radiographers u oħrajn jinkludu fost oħrajn li ma jwieġbux it-telefon u mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn, work to rule, ma jarawx każi ġodda, kif ukoll ma jdurux is-swali.

Id-direttivi huma mifruxa f’diversi sptarijiet, fosthom fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar Sir Paul Boffa, fl-Isptar tar-Rijabilitazzjoni Karin Grech, f’San Vinċenz de Paul u fil-Kliniċi tal-Iskejjel.

F’konferenza tal-aħbarijiet xahar ilu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Claudio Grech qal li ma jagħmilx sens li tħalli lil dan it-talent ġdid jinħela għal xhur sħaħ mingħajr l-ebda ħjiel meta se jiġu msejjħa għax-xogħol. Claudio Grech qal li hemm ħtieġa għal dawn il-professjonisti u xhieda ta’ dan hu li hemm lista ta’ stennija ta’ bejn tlieta u erba’ xhur għal appuntament għal dawn is-servizzi.