Xi dgħjufija ta’ Prim Ministru! Joseph Muscat ċass għal 19-il ġurnata u 16-il siegħa sħaħ quddiem l-unika deċiżjoni li kellu jieħu sa mill-bidu: li jkeċċi lill-Ministru tal-Intern wara sparatura tax-xufier ta’ Ministru tal-Gvern tiegħu u cover-up politiku.
Muscat l-ewwel ipprova jgħattilu għal ġranet sħaħ, imbagħad inħeba…
Imma Joseph Muscat – ċass u dgħajjef – l-ewwel ipprova jgħattilu lill-Ministru tal-Intern għal ġranet sħaħ. Imbagħad – meta ma setax jibqa’ jgħattilu għax il-media tal-Partit Nazzjonalista u dik indipendenti bdew joħorġu l-verità kollha dwar il-gideb tal-Gvern – Muscat inħeba wara inkjesta li, 19-il ġurnata tard wisq, qaltlu anqas milli kien diġà ovvju mill-bidu nett u indikatlu dak li messu għamel mill-ewwel.
… u, wara, qagħad jistenna lill-Ministru tal-Intern jirriżenja
U anke hawn, bl-inkjesta f’idejh, Muscat baqa’ ċass u dgħajjef: flok keċċa lill-Ministru tal-Intern 19-il ġurnata tard, tah l-għażla jekk jirriżenjax jew le. U Manwel Mallia hu ċar li rrifjuta l-għażla ta’ Muscat. Il-Prim Ministru Muscat qagħad iwaqqa’ lilu nnifsu għaż-żufjett fil-Berġa ta’ Kastilja meta ġabar lill-ġurnalisti nhar il-Kunċizzjoni biex jagħtihom l-aħbar li qatt ma ġiet – ir-riżenja ta’ Manwel Mallia li Muscat baqa’ jiċċassa lejn l-arloġġ jistennieha, bil-ġurnalisti jistennew ukoll.
19-il ġurnata u 16-il siegħa jiċċassa
U meta r-riżenja ma ġietx, Joseph Muscat fl-10 ta’ billejl lill-ġurnalisti kellu jbenġilhielhom li kien qed jagħti l-għażla lil Manwel Mallia jirriżenjax jew le. Il-kaċċaturi li daħlu l-Belt fl-Indipendenza jipprotestaw b’senter tal-plastik u għajru lill-Prim Ministru ‘pulċinell’ spiċċaw ġimgħa l-ħabs mill-ewwel, imma x-xufier tal-Ministru tal-Gvern ta’ Muscat li spara fuq vittma baqa’ ġimgħa jiġri barra, u lill-Ministru tal-Intern tiegħu li hu ċar li gideb u ndaħal fl-investigazzjoni fuq ix-xufier tiegħu – quddiem Manwel Mallia Muscat qagħad jiċċassa 19-il ġurnata u 16-il siegħa.
Gvern li gideb u li m’għandux l-iċken diċenza
L-inkjesta li Joseph Muscat inħeba warajha, lill-Prim Ministru qaltlu anqas milli kien ovvju mill-bidu: li l-Gvern ta’ Joseph Muscat hu Gvern giddieb u mingħajr l-iċken diċenza. Dan hu kliem qawwi imma ma tistax tgħid mod ieħor dwar il-Gvern ta’ Muscat. Gvern li gideb fuq inċident biex jagħmel cover-up. U bil-kontra ta’ li qed jgħid Joseph Muscat, dan hu cover-up politiku bil-Ministru tal-Intern jindaħal fl-investigazzjoni kif juru t-telefonati maħruġin mill-whistleblower u li Muscat kellu f’idejh. Gvern mingħajr l-iċken diċenza ta’ riżenja mill-ewwel fuq każ bħal dan.
Għaliex Muscat kien daqstant dgħajjef u ċass? Xi xtur qed jgħatti?
Li l-Prim Ministru kien dgħajjef ħafna u ċass hu ovvju, imma rridu nistaqsu x’inhuma r-raġunijiet għala qagħad jiċċassa u wera did-dgħufija kollha. Xi xtur qed jgħatti Muscat? Meta se jippubblika l-logs tat-telefonati u l-messaġġi li kellu wara d-9 ta’ billejl tal-Erbgħa 19 ta’ Novembru? Jekk ikollu l-kuraġġ jippubblikahom Joseph Muscat, ma nindunawx biss kemm hu ċass u dgħajjef imma forsi nibdew nifhmu wkoll l-għala wera tant dgħufija u qagħad jiċċassa għal 19-il ġurnata u 16-il siegħa.