Żewġt’iklieb li kienu fl-istess barriera flimkien ma’ Spencer, il-kelb li kien abbandunat u miet ftit tal-jiem wara li ġie salvat, inġabru wkoll u ngħataw kenn temporanju.
L-ewwel kelb inġabar ftit tal-jiem ilu. Madankollu t-tieni kelb offra sfida ħafna ikbar u kien hemm bżonn diversi tentattivi biex jinqabad. Dan għaliex il-kelb hu mwerwer min-nies.
Madankollu, kif jidher fir-ritratti, dan il-kelb ftit ftit qed jibda jafda iktar lil dawk ta’ madwaru. Il-klieb ingħataw l-isem ta’ Nenu u Buddy, inħaslu u ġew ikkurati wkoll minn veterinarju.
Min jixtieq jagħti kenn permanenti lil dawn il-klieb jista’ jċempel lil wieħed mill-persuni li ħadu ħsieb Spencer, Ryan, fuq 79040788.
L-appell biex jinġabru dawn il-klieb waslu wara l-mewt ta’ Spencer. Dan il-kelb kien qed isofri minn Ehrlichia, li tikkawża deni rqieq, li attakkatlu wkoll il-kliewi.
Mindu ġie salvat Spencer, numru ta’ persuni ngħaqdu flimkien biex jgħinu lil Wendy, bil-veterinarju Victoria Bondin tieħu ħsieb il-kura tal-kelb.
Il-kelb kien f’kundizzjoni ħażina ħafna. Il-marda li kellu wasslet biex il-kliewi kienu qed jiddeterjoraw, u kellu d-demm baxx ħafna.
Filfatt matul il-lejl li miet, hu beda jsofri minn qtugħ ta’ nifs u laħaq miet qabel waslet il-veterinarja għand Wendy Brincat, il-persuna li salvatu u tatu kenn.
Fl-aħħar jiem Spencer deher qed jaqleb għall-aħjar. Hu kien waqaf itella’ l-ikel li kien qed jingħatalu. Din l-istorja għaqqdet diversi persuni li ġabru donazzjonijiet u oġġetti oħra biex jgħinu lil Spencer.
//= $special ?>