Lokali

Il-Jum Dinji għad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Il-Forum Opportunitajiet Indaqs fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qiegħed ifakkar il-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Bniedem billi jafferma l-importanza ta’ drittijiet ugwali irrispettivament il-ġens, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-fattizzi ġenetiċi, il-lingwa, l-emmna ta’ reliġjon, l-opinjoni politika, l-inklużjoni f’għadqa ta’ minoranza, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali.

Il-FOIPN fi stqarrija qal illi jagħraf li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem huma l-qofol ta’ soċjetà demokratika li għandha tkun ibbażata fuq l-erba’ kriterji ewlenin: id-dinjità, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà skont kif imfissra fiċ-Charter tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea. Bi sħubija fl-Unjoni Ewropea, Malta kienet qiegħda tissieħeb f’unjoni li tħares id-drittijiet tal-individwalità u l-importanza tagħhom fis-soċjetà, liema drittijiet huma l-għan tal-Forum Opportunitajiet Indaqs li jaħdem sabiex jiġu megħluba d-diskriminazzjonijiet f’kull forma li tmur kontra r-rispett u d-dritt tal-bniedem li jgħix f’pajjiż liberali u demokratiku.

Waqt li jsejjaħ għal aktar rispett u tolleranza fi ħdan is-soċjetà, il-Forum Opportunitajiet Indaqs fl-istqarrija fakkar kif il-bniedem bid-drittijiet fundamentali tiegħu għandu jkun il-qofol tal-politika demokratika. Il-Forum jappella sabiex pajjiżna jimxi dejjem aktar lejn l-erba’ kriterji stabbiliti li għandhom iservu sabiex Malta tkompli tissaħħaħ fil-konfront tad-drittijiet tal-bniedem li sfortunatament f’xi pajjiżi madwar id-dinja qegħdin jingħataw anqas importanza.