Lokali

Il-KSU tħabbar inizjattivi biex tittaffa l-problema tat-trasport minn u lejn l-Università

Università ta' Malta

Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) ħabbret numru ta’ inizjattivi biex tittaffa l-problema tat-trasport minn u lejn l-Università, b’dik ewlenija tkun fond ġdid ta’ €10,000. Dan il-fond se jintuża mill-istudenti, li permezz tiegħu se jirċievu traħħis ta’ nofs il-prezz tal-biljett ta’ 90 ġurnata għat-trasport pubbliku.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li għaliha kien mistieden il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi li iżda ma attendiex, tħabbru wkoll skemi ta’ kiri jew xiri ta’ roti, kif ukoll applikazzjoni għal car pooling, fejn persuni jingħaqdu flimkien minflok jużaw karozza kull wieħed.

Il-President tal-KSU Gayle Lynn Callus qal li l-Kunsill qed jappella għal konferenza nazzjonali dwar it-trasport, bl-idea tkun immedjatament appoġġjata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Toni Bezzina, f’isem l-Oppożizzjoni.