Edukazzjoni Lokali Parlament

Il-Ministru Bartolo wieġeb b’mod sarkastiku għall-kritika tal-Oppożizzjoni

Il-kritika tkun qed twassal ukoll il-weġgħat tan-nies

Id-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar esprima dispjaċir għall-mod kif fil-Parlament il-Ministru Evarist Bartolo wieġeb b’mod sarkastiku għall-kritika tal-Oppożizzjoni rigward l-estimi tal-Baġit. Mhux xieraq li l-Ministru jipprova jirredikola lill-Oppożizzjoni li qed twettaq dmirha u tikkritika.

Meta tkellem fil-Parlament fil-ħin tal-Aġġornament, id-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar ikkwota minn email li rċieva mingħand persuna li wriet id-dispjaċir tagħha għas-sitwazzjoni li tinsab fiha rigward l-istipendju ta’ binha. Fisser li dan hu każ li juri li l-għaġla li qed isiru bihom l-affarijiet u li qed toħloq diffikultajiet lil ħafna nies.

Joe Cassar qal li tibdil li kellu l-Ministru tal-Edukazzjoni fid-Direttorat wassal biex qed jittieħdu deċiżjonijiet mhux korretti ta’ segregazzjoni fis-sistema edukattiva.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li mhix korretta l-impressjoni li jrid jagħti l-Ministru meta jgħid li l-Oppożizzjoni hi kontra l-ko-edukazzjoni. L-Oppożizzjoni dejjem sostniet li anke jekk dan il-kunċett diġà jintuża fl-iskejjel privati, ma kienx hemm preparazzjoni biżżejjed biex l-istess kunċett jiddaħħal fil-livell sekondarju fl-iskejjel tal-Gvern.

Il-ħsieb oriġinali kien li l-kunċett jiddaħħal inizjalment f’kulleġġ wieħed bil-kulleġġi l-oħrajn isegwu b’mod volontarju. Iżda f’daqqa waħda ġie impost fuq il-kulleġġi kollha.

Joe Cassar qal li hu importanti li jinżamm kuntatt bejn Gvern u Oppożizzjoni biex ikun hemm kordinament fil-policies dwar l-edukazzjoni.

Hu fatt li fl-amministrazzjoni preċedenti kien hemm progress kbir fl-edukazzjoni anke jekk forsi kien hemm każi fejn kien hemm min ħassu mweġġa’ u seta’ kien hemm irfinar fl-atteġġjament.

Fisser li mhux ġust li l-Ministru Bartolo jħossu offiż meta l-Oppożizzjoni tagħmel il-kritika tagħha, kritika li biha jkunu qed jitwasslu anke l-weġgħat tan-nies.