Lokali

Aġġornata: Il-Ministru Joe Mizzi jaħrab stedina tal-KSU

Għat-tieni darba fi ftit ġimgħat, Ministri tal-Gvern Laburista ħarbu minn stedina ta’ għaqda tal-istudenti fl-Università ta’ Malta billi m’attendewx attività organizzat fuq il-kampus u ma bagħtu lil ħadd minflokhom.

Fit-28 ta’ Novembru li għadda, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna m’attendiex għal dibattitu organizzat mill-Insite u li matulu kien qed jiġi diskuss il-Baġit 2015.

Issa kien imiss lill-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi li injora l-istedina tal-Kunsill Studenti Universitarji biex jipparteċipa f’konferenza tal-aħbarijiet dwar it-trasport u l-problemi li jaffaċċjaw l-istudenti Unviersitarji.

Tweġiba mill-Ministeru tat-Trasport skont il-Liġi tal-Istampa

“Assolutament mhux minnu li l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi dalgħodu njora stedina tal-KSU għal dibattitu fuq il-kampus kif qed tgħid il-maltarightnow.com. B’referenza għar-rapport “Joe Mizzi jinjora stedina tal-KSU”, li matulu saru allegazzjonijiet bla ma ġew ivverifikati l-fatti, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura jiddikjara li dan ir-rapport huwa għal kollox żbaljat.

L-istedina lill-Ministru Joe Mizzi għall-konferenza tal-aħbarijiet saret nhar it-Tnejn 8 ta’ Diċembru, tard fil-għaxija, ftit iktar minn ġurnata qabel il-konferenza tal-aħbarijiet. Fit-tweġiba tiegħu lill-KSU, il-Ministru Joe Mizzi spjega li ma setax jattendi peress li l-istedina waslet tard wisq u proprju fl-istess ħin, kien se jilqa’ delegazzjoni barranija u għalhekk ma setax iħassar dan l-impenn.

Tant il-Ministru huwa konxju tal-problemi li jiffaċċjaw l-istudenti Universitarji, li l-konferenza tal-aħbarijiet, kif irrapportaw il-midja kollha, saret proprju biex jitħabbar li l-kumpanija tal-Gvern Malta Public Transport Services, laħqet ftehim mal-KSU, biex l-istudenti jingħataw roħs ta’ 50% fuq ix-xiri ta’ biljetti tat-trasport pubbliku.

Dan sar permezz ta’ fond ta’ 10,000 ewro mill-MPTSL, ftehim huwa mmirat biex l-istudenti jużaw iktar it-trasport pubbliku u b’hekk tonqos il-konġestjoni ta’ traffiku fuq il-kampus u li permezz tiegħu, biljett ta’ ġurnata għall-istudenti se jiġi jiswa 33 ċenteżmu biss. Minkejja li għall-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru ma setax jattendi, attendew rappreżentanti tal-kumpanija MPTSL.

Tajjeb wieħed iżid jgħid li matul ix-xahar li għadda, il-Ministru Joe Mizzi kellu laqgħa kordjali mal-KSU, li saret fuq talba tagħhom stess, u dan proprju biex jiġu diskussi l-problemi li qed jiffaċċjaw l-istudenti. Dan juri biċ-ċar li l-impressjoni li pprovat tingħata li l-Ministru Joe Mizzi qed jinjora l-problemi tal-istudenti mhi xejn ħlief gidba.”