Lokali Parlament

Il-Parlament illejla jiddiskuti l-każ Manwel Mallia

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni qablu li s-seduta tal-Parlament tal-lejla tkun iddedikata għal diskussjoni dwar il-każ li wassal għat-tneħħija tal-Ministru Manwel Mallia.

Wara li seħħ il-każ xokkanti tax-xufier ta’ Ministru fil-Kabinett ta’Muscat, l-Oppożizzjoni kienet ressqet mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat naqas milli tintrefa’ r-responsabbiltà politika u jneħħi lil Manwel Mallia wara li nħbew fatti dwar il-kaċ bl-Oppożizzjoni ssejjaħ l-atteġġjament tal-Gvern u tal-Pulizija bħalal cover-up biex tinħeba l-verità dwar il-każ.

Il-mozzjoni fil-Parlament kienet iffirmata mill-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma tal-Parlament, Mario de Marco; u mill-Kelliem għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi.

Wara l l-Gvern baqa’ jkaxkar saqajh li tintrefa’ r-responsabbiltà politika anke quddiem stqarrijiet li saru mill-Gvern li ma kinux korretti, Net Television u Maltarightnow, flimkien mal-gazzetti In-Nazzjon, il-mument u Radio 101, xandru u ppubblikaw telefonati li kixfu l-verità u esponew fil-beraħ il-cover-up li kien għaddej dwar il-każ.

Id-diskussjoni tal-lejla fil-Parlament se tikkonċerna dak kollu li seħħ wara l-inċident li sar fid-19 ta’ Novembru li għadda, meta x-xufier tal-Ministru Manwel Mallia spara tiri ta’ pistola fuq sewwieq ta’ vettura oħra wara li dan allegatament għamel ħsara fil-karrozza uffiċjali tal-Ministru.

Iċ-ċirkostanzi li segwew wasslu biex il-Prim Ministru ħarab milli jieħu deċiżjoni li jneħħi lil Manwel Mallia minn Ministru minkejja li fid-dawl tal-fatti kif irriżultaw, fosthom stqarrijiet uffiċjali, kienet tidher evidenti r-responsabbiltà politika għall-mod kif ġew ippreżentati ċ-ċirkustanzi lill-pubbliku.

Minflok intrefgħet ir-responsabbiltà politika mill-Prim Ministru u mill-Ministru Mallia, inħatret Kummissjoni biex tinvestiga dak li seħħ. Ir-rapport ġie ppreżentat lill-Prim Ministru nhar it-Tnejn u fi tmiem il-ġurnata, Joseph Muscat stieden lil Manwel Mallia biex jippreżenta r-riżenja tiegħu.

L-Oppożizzjoni sejħet dan l-aġir tal-Prim Ministru bħala turija ta’ falliment fl-ewwel test veru ta’ tmexxija għalih.

Wara li l-Prim Ministru lbieraħ ħatar lid-Deputat Carmelo Abela bħala Ministru minflok Manwel Mallia, fis-seduta tal-bieraħ filgħaxija d-Deputat Laburista Manwel Mallia, wieħed mill-istar candidates ta’ Muscat ta’ qabel l-elezzjoni, m’attendiex is-seduta tal-bieraħ filgħaxija.

Id-diskussjoni tal-lejla se tieħu tliet sigħat, bil-Gvern jiftaħ id-diskussjoni u tagħlaq l-Oppożizzjoni. Fi tmiem id-diskussjoni ma jitteħidx vot.