Id-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem huma l-qofol ta’ soċjetà demokratika li għandha tkun ibbażata fuq l-erba’ kriterji ewlenin: id-dinjità, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà. Fi stqarrija, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Forum Opportunitajiet Indaqs fi ħdan il-Partit Nazzjonalista tenna mill-ġdid it-twemmin fi drittijiet ugwali irrispettivament mill-ġens, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, lingwa, twemmin reliġjuż, opinjoni politika, diżabbiltà, età, sess u orjentazzjoni sesswali.
Il-Forum qal li Malta kompliet issaħħaħ il-ħarsien ta’ dawn id-drittijiet bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea u l-Karta Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem. Filwaqt li sejjaħ għal aktar rispett u tolleranza fi ħdan is-soċjetà, il-Forum Opportunitajiet Indaqs fakkar kif bid-drittijiet fundamentali tiegħu l-bniedem għandu jkun il-qofol ta’ politika demokratika.
//= $special ?>