“Kieku ma kienx għall-Oppożizzjoni, il-verita’ ma kinitx toħroġ fil-beraħ. Il-Gvern qed iwettaq politika’ ta’ rikatt.”
Kien dan il-kliem tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, fl-intervent tiegħu li bih intemm id-dibattitu parlamentari dwar ir-rapport tal-Bord tal-Inkjesta dwar il-każ tax-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista irrefera għax-xewqa tiegħu li ngħixu f’pajjiż normali u qal li kien bis-saħħa tal-Oppożizzjoni li l-verita’ ħarġet fil-beraħ.
Hu qal li bl-aġir tiegħu fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern waqa’ għar-redikolu u qed jitlef il-poplu. Dan fid-dawl tal-manipulazzjoni tal-verita’, fejn il-Gvern prova jaħbi r-recordings li jaqbillu. Dan fid-dawl ta’ każ gravi ħafna.
Hu sorprendenti wkoll l-aġir tal-Prim Ministru fil-lejl li fih seħħ il-każ tal-isparatura, tenna SImon Busuttil, b’referenza għar-rapport li jgħid li f’dak il-ħin, il-Prim Ministru Joseph Muscat “mar jorqod”.
Simon Busuttil qal li ħadd ma jemmen li l-Prim Ministru, quddiem każ bħal dan, mar jorqod. U dan ikompli jikkumplika l-każ għax, jekk il-membri kollha involuti fir-recordings kienu jafu li l-isparaturi ma kinux sempliċi warning shots, wieħed jistenna li l-Prim Ministru kien jaf ukoll.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa wkoll għaliex Manwel Mallia ntalab jirreżenja u dak li kiteb u ippublika l-istqarrija, il-Kap tal-Komunikazzjoni Kurt Farrugia, baqa’ kif kien.
Filwaqt li qal li bħala Kap tal-Oppożizzjoni hu qegħda d-dmir politiku tiegħu billi għen biex toħroġ il-verita’, Simon Busuttil stieden lil poplu Malti biex jagħmel il-ġudizzju għaqli tiegħu dwar dak kollu li seħħ fl-aħħar ġimgħat.
//= $special ?>