Futbol Sport

Juventus jgħaddu; Liverpool eliminati f’Anfield

Juventus ħadu l-punt li kellhom bżonn mill-konfront, f’Turin, ma’ Atletico Madrid biex għaddew għar-round li jmiss bir-riżultat 0-0 jikkuntenta wkoll lill-Ispanjoli li spiċċaw fl-ewwel post fi Grupp A.
Intant, Liverpool iddiżappuntaw fi draw 1-1 ma’ Basel f’Anfield, bl-Iżvizzeri jikkwalifikaw għall-ispejjeż tar-Reds li issa jilagħbu fl-Europa League wara li spiċċaw it-tielet fi Grupp B.

Monaco spiċċaw l-ewwel fi Grupp Ċ meta għelbu lil Zenit St Petersburg f’darhom, b’Leverkusen jikkwalifikaw fit-tieni post waqt li Borussia Dortmund rebħu Grupp D qabel Arsenal minkejja li kienu miżmuma f’darhom minn Anderlecht.

GRUPP A

Juventus setgħu spiċċaw fi żvantaġġ bikri fl-ewwel ħinijiet meta l-gowlkiper Buffon salva f’saqajn Koke, iżda wieġbu mill-cross-shot ta’ Llorente li kważi qarraq b’Moya fil-lasta tal-Atletico.
Il-Colchoneros, li riedu biss punt biex jirbħu l-grupp, adottaw logħba prudenti iżda kienu wkoll perikolużi fl-inkursjonijiet tagħhom waqt li Juventus ħarġu jfittxu l-gowl fit-tieni taqsima fejn marru qrib diversi drabi, b’Vidal ifalli żewġ okkażjonijiet tajbin. Juventus baqgħu aggressivi sal-aħħar iżda Madrid għarrfu jikkontrollaw sal-aħħar għad-draw prezzjuż

Intant, Olympiakos, li kienu qed jittamaw f’żelqa ta’ Juventus, għelbu lil Malmo 4-2 għal riżultat li ma jiswa xejn u bil-Griegi issa jikkompetu fir-round li jmiss tal-Europa League. Olympiakos kisbu l-vantaġġ minn David Fuster fl-ewwel taqsima iżda Kroon wieġeb għall-Iżvediżi għall-1-1 momentanju b’Olympiakos jerġgħu jiskurjaw b’volley ta’ Alejandro Dominguez.

Malmo għamluhom 2-2 minn Rosenberg iżda l-Griegi skurjaw darbtejn oħra, fl-aħħar ħinijiet, minn Mitroglu u Affellay għal 4-2. Malmo spiċċaw il-logħba b’għaxra meta tkeċċielhom Kofi Adu fid-90 minuta.

GRUPP B

Liverpool riedu rebħa bilfors ma’ Basel f’Anfield iżda kienu l-Iżvizzeri li ddominaw l-ewwel taqsima u marru meritatament fil-vantaġġ minn Fabien Frei li bidel il-ballun ma’ Zuffi qabel għeleb lill-gowlkiper Mignolet b’xutt minn tarf il-kaxxa.

Ir-Reds dehru neqsin mill-ideat u l-affarijiet komplew jiġuhom ħażin bit-tkeċċija tas-sostitut Markovic fit-tieni taqsima. Steven Gerrard, kontra x-xejra tal-logħob għamilhom 1-1 bi freekick stupend għall-100 gowl tiegħu f’Anfield, bir-Reds jiftħu sensiela ta’ attakki ddisprati fuq il-lasta ta’ Vaclik iżda mingħajr ma jsibu t-tieni gowl importanti.

Iċ-Champions Ewropej, Real Madrid għalqu l-impenji b’punti massimi, wara li għelbu lill-Bulgari ta’ Ludogorets għas-sitt rebħa konsekuttiva.

Real fetħu l-iskor minn penalty ta’ Cristiano Ronaldo wara l-‘hands’ ta’ Marcelinho, bil-plejer ta’ Ludogorets jintwera l-ħamra u bil-Madrileni jisfruttaw l-ispazji biex irduppjaw minn Gareth Bale, ħames minuti qabel il-mistrieħ. Fit-tieni taqsima Real żiedu gowls oħra minn Arbeloa u Alvaro Medran għal rebħa akkademika.

GRUPP Ċ

Monaco għelbu lil Zenit St Petersburg 2-0 biex ikkwalifikaw bħala rebbieħa tal-grupp u wara Bayer Leverkusen spiċċaw miżmuma minn Benfica. Il-Franċiżi fetħu l-iskor fit-63 minuta minn Aymen Abdennour, b’Fabinho jirdoppja fl-aħħar ħinijiet. Ir-riżultat ifisser li Zenit issa jilagħbu fl-Europa League is-sena d-dieħla.

Intant, Benfica spiċċaw l-aħħar fil-grupp bi draw 0-0, f’Lisbona, ma’ Bayer Leverkusen bil-Ġermaniżi jgħaddu għar-round li jmiss minkejja li tkeċċielhom Omer Toprak fid-90 minuta.

GRUPP D

Borussia Dortmund ikkwalifikaw bħala l-liders tal-grupp minkejja d-draw 1-1 ma’ Anderlecht li se jilagħbu fl-Europa League. Dortmund żblukkaw ir-riżultat minn Ciro Immobile, iżda Anderlecht kisbu d-draw minn Mitrovic, sitt minuti mit-tmiem.

Arsenal kellhom bidu mill-aqwa kontra Galatasaray fl-Ali Sami Yen Stadium fejn sal-ewwel ħdax il-minuta kienu fetħu vantaġġ ta’ 2-0, b’gowls ta’ Lukas Podolski u Aaron Ramsey. Il-Gunners iddominaw għal ħafna ħinijiet kontra avversarji demotivati u fit-tieni taqsima żiedu aktar gowls mill-istess Podolski u Ramsey, bWesley Sneijder jiskorja konsolazzjoni għat-Torok.