Lokali

Kurt Farrugia jigdeb lill-eks Imħallfin li mexxew l-inkjesta dwar l-isparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia

Skont rapport fuq The Times tal-lum, jirrizulta li l-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Prim Ministru Kurt Farrugia ma qalx il-verità lit-tliet eks Imħallfin waqt l-inkjesta li saret dwar il-cover-up fil-kaz tal-isparatura mix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia.

Il-ġurnal The Times illum żvela kif il-Kap tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u persuna daqstant qrib ta’ Joseph Muscat, qal lit-tliet eks Imħallfin waqt l-inkjesta li kien jaf bi tliet toqbiet fil-vettura ta’ Stephen Smith għall-ħabta ta’ 12am fil-lejl tal-inċident stess mill-ġurnalista ta’ The Times Ariadne Massa jew xi ġurnalist ieħor.

Li kieku dan il-fatt kien veru, juri li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru seta’ faċilment jikkjarifika l-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni ftit minuti biss qabel.

Madankollu, The Times irrapporta li l-Head of News ta’ The Times Ariadne Massa kienet taf li t-tiri ma kienux warning shots l-għada fid-9.30am. Tant hu hekk li l-ġurnal irrapporta wkoll kif fil-lejla tal-isparatura, Massa għamlet kuntatt ma’ Kurt Farrugia diversi drabi matul dik il-lejla, iżda fl-ebda ħin ma kienet mgħarrfa bil-verità mill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru dwar it-tiri sparati minn Paul Sheehan.

Fil-fatt, The Times ikkjarifika li kien kawża ta’ dan li fil-ħarġa tal-għada l-ġurnal semma’ biss warning shots waqt li kkwota lil “kelliem tal-Gvern”. Iżda minkejja li Massa kienet kitbet fuq Twitter l-għada tal-każ, ftit wara d-9.37am, li saret taf li t-tiri ma kienux warning shots, Kurt Farrugia sostna li l-Head of News ta’ The Times kienet qaltlu li t-tiri kienu indirizzati lejn il-karozza dakinhar filghaxija.

The Times kompla jiżvela li lit-tliet eks Imħallfin li mexxew l-inkjesta dwar din l-isparatura, Kurt Farrugia qalilhom li wara li allegatament ġie mgħarraf minn Massa jew xi ġurnalist ieħor bit-tiri fil-karozza ta’ Smith, hu u Ramona Attard, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-eks Ministru Manwel Mallia, kienu qed itellgħu u jniżżlu jekk joħorġux stqarrija ta’ kjarifika … xi ħaġa li iżda baqgħet ma saritx.

Dan ir-rapport ta’ The Times, b’informazzjoni żvelata mill-inkjesta mmexxija mit-tliet eks Imħallfin, ikompli jitfa’ dawl dwar kemm il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru kien jaf bid-dettalji kollha dwar il-każ iżda xorta ma kkjarifikax l-istqarrija qarrieqa tad-19 ta’ Novembru filgħaxija. Dan qed ikompli jitfa’ wkoll pressjoni fuq l-Uffiċċju tal-Prim Ministru wara li t-Tnejn li għadda tard filgħaxija, wara li ħalla lill-ġurnalisti jistennew għal aktar minn sagħtejn, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li għal dan il-cover-up kellhom jerfgħu r-responsabbiltà politika biss l-eks Ministru Manwel Mallia u l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit.