Internazzjonali

L-Ebola Fighters ippremjati mir-rivista TIME

L-Ebola Fighters – dawk li qed jiġġieldu kontra l-marda fil-Punent tal-Afrika – kienu onorati bitit-titlu prestiġjuż ta l-Persuna tas-Sena 2014 mir-rivista TIME.

Nancy Gibbs, id-direttur maniġerjali ta’ TIME, qalet li l-irġiel u n-nisa li kienu qed jiġġieldu l-Ebola, intgħażlu “għall-kuraġġ, il-qlubija u t-tjubija straordinarja tagħhom”.

L-Ebola Fighters għelbu lid-dimostranti ta’ Ferguson f’Missouri fl-Istati Uniti fejn in-nies niżlu fit-toroq kontra l-qtil ta’ żagħzugħ ta’ karnaġun iswed minn pulizija, għal dan it-titlu prestiġjuż, li jonora ‘l-persuna’ li l-aktar influwenzat l-aħbarijiet, fit-tajjeb jew fil-ħażin, matul is-sena.

Fit-tielet post ġie klassifikat l-President Russu Vladimir Putin, segwit minn Masoud Barzani, l-aġent president tar-Reġjun Iraqi-Kurd, u Jack Ma, l-għalliem tal-Ingliż u fundatur ta’ Alibaba.

Nancy Gibbs ukoll żvelat li se jkun hemm ħames faċċati tar-rivista, li juru diversi Ebola fighters fil-Punent tal-Afrika, fosthom, tobba, infermieri u sewwieqa ta’ ambulanzi.